Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu — disseminazzjoni ta’ kontenut online

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu — disseminazzjoni ta’ kontenut online

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/784 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li jippermetti t-tneħħija malajr ta’ kontenut terroristiku* online u jistabbilixxi regoli għall-Unjoni Ewropea (UE) kollha għal dan il-għan.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament jistabbilixxi regoli madwar l-UE kollha biex jiġi ttrattat l-użu ħażin ta’ servizzi ta’ hosting għat-tixrid pubbliku ta’ kontenut terroristiku online. Dawn ir-regoli jkopru:

  • id-dmirijiet ta’ diliġenza raġonevoli u proporzjonati li għandhom jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting* (HSPs) biex jindirizzaw it-tixrid pubbliku ta’ kontenut terroristiku permezz tas-servizzi tagħhom u jiżguraw, fejn meħtieġ, li tali kontenut jitneħħa jew li l-aċċess għalih ikun diżattivat;
  • il-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri tal-UE, skont id-dritt tal-UE u soġġetti għas-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali, sabiex:
    • jidentifikaw u jiżguraw it-tneħħija fil-pront ta’ kontenut terroristiku mill-HSPs; u
    • jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-HSPs u, fejn xieraq, l-Europol.

Ir-regolament japplika għal HSPs li joffru servizzi fl-UE, kemm jekk ikunu bbażati prinċipalment fl-Istati Membri jew le.

Materjal imxerred lill-pubbliku għal finijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka, jew għall-finijiet ta’ prevenzjoni jew ġlieda kontra t-terroriżmu, mhux se jitqies bħala kontenut terroristiku.

Ir-reati terroristiċi huma ddefiniti fid-Direttiva (UE) 2017/541 — ara s-sommarju.

Miżuri

Ir-regolament jistabbilixxi għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw it-tixrid pubbliku ta’ kontenut terroristiku online inklużi:

  • ordnijiet ta’ tneħħija — HSPs maħruġa b’ordni jkollhom ineħħu jew jimblukkaw tali kontenut fi żmien siegħa;
  • proċeduri għat-tneħħija transkonfinali — jiġifieri fejn l-HSP ma jkunx ibbażat fl-istess Stat Membru bħall-awtorità nazzjonali li toħroġ l-ordni ta’ tneħħija;
  • miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu minn HSPs esposti għal tali kontenut;
  • il-preservazzjoni ta’ tali kontenut minn HSPs għal finijiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Salvagwardji u responsabbiltà

Ir-regolament jinkludi għadd ta’ miżuri biex jiġu żgurati t-trasparenza u d-drittijiet legali. Dawn jinkludu regoli li jkopru:

  • obbligi ta’ trasparenza għall-HSPs;
  • rapporti ta’ trasparenza mill-awtoritajiet nazzjonali;
  • rimedji legali għal HSPs u fornituri tal-kontenut*;
  • mekkaniżmi għall-ilmenti;
  • informazzjoni lill-fornituri tal-kontenut.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mis-7 ta’ Ġunju 2022.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Kontenut terroristiku: materjal li jqanqal jew jitlob individwu jew grupp ta’ nies biex iwettaq att terroristiku, jew li jipprovdi istruzzjonijiet dwar kif isiru l-armi jew dwar metodi jew tekniki oħra għall-użu f’attakk terroristiku.
Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting: dawk li jaħżnu l-informazzjoni pprovduta minn u fuq talba ta’ fornitur tal-kontenut.
Fornitur tal-kontenut: utent li pprovda informazzjoni li hija, jew li ġiet, maħżuna u mxerrda lill-pubbliku minn fornitur ta’ servizz ta’ hosting.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, pp. 79-109)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda kontra t-terroriżmu għall-UE: Antiċipa, Ipprevjeni, Ipproteġi, Irrispondi (COM(2020) 795 finali, 9.12.2020)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà tal-UE (COM(2020) 605 final, 24.7.2020)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 36-214)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/1972 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6-21)

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, pp. 1-15)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 73-114)

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351, 20.12.2012, pp. 1-32)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, pp. 1-24)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, pp. 1-16)

l-aħħar aġġornament 30.08.2021

Top