EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-annullament ta’ atti legali mill-Qorti tal-Ġustizzja

L-annullament ta’ atti legali mill-Qorti tal-Ġustizzja

 

SOMMARJU TA’:

l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

l-Artikolu 264 tat-TFUE

l-Artikolu 266 tat-TFUE

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN L-ARTIKOLI?

  • L-Artikolu 263 jagħmilha possibbli li jitressqu rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti”) li jikkontestaw il-legalità tal-atti legali tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • L-Artikolu 264 jgħid li jekk ir-rikors ikun fondat, il-Qorti għandha tiddikjara l-att null jew, jekk ikun meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tal-att iddikjarat null għandhom jitqiesu bħala definittivi.
  • L-Artikolu 266 jirrikjedi li l-parti li l-att tagħha jkun ġie annullat tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • L-Artikolu 263 tat-TFUE jgħid li l-Qorti tista’ tirrieżamina l-legalità ta’:
  • Il-Qorti tista’ wkoll tirrieżamina l-legalità ta’ atti ta’ korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.
  • Il-Qorti sabet li minbarra atti bħal regolamenti, deċiżjonijiet u direttivi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 288 tat-TFUE bħala vinkolanti, huwa l-kontenut (u l-intenzjoni) tal-miżura li hija importanti, aktar milli l-forma (fil-Kawża C-316/91 Il-Parlament vs Il-Kunsill). Għalhekk, il-legalità ta’ tipi oħra ta’ atti, bħall-konklużjonijiet tal-Kunsill, tista’ tkun kontestabbli (fil-Kawża C-27/04 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill).

Min jista’ jressaq rikors għall-annullament quddiem il-Qorti?

  • L-Artikolu 263 tat-TFUE jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ rikorrenti.
    • Rikorrenti privileġġati, jiġifieri pajjiżi tal-UE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dawn dejjem jistgħu jressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (il-paragrafu 2).
    • Rikorrenti semi-privileġġati, jiġifieri l-Qorti tal-Awdituri, il-BĊE u l-Kumitat tar-Reġjuni. Dawn jistgħu biss iressqu proċedimenti ta’ rieżami “bl-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom” (il-paragrafu 3).
    • Rikorrenti mhux privileġġati, jiġifieri persuni ġuridiċi, bħal negozji, u persuni fiżiċi, bħal individwi, jistgħu jressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, iżda huma soġġetti għal kundizzjonijiet aktar stretti fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżit tal-pożizzjoni legali (“locus standi”) (il-paragrafu 4).

It-tressiq ta’ rikors għal annullament

  • Rikors għandu jitressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att jew min-notifika tiegħu lir-rikorrent. Teżisti estensjoni ta’ 10 ijiem oħra biex tpatti għal dewmien fil-posta minħabba d-distanza skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — ara s-sommarju. Jekk l-att ma jkunx ippubblikat jew innotifikat, l-iskadenza tibda tiddekorri minn meta r-rikorrent ikun sar jaf dwaru b’mezzi oħra.
  • Ir-rikorrenti mhux privileġġati jeħtiġilhom jistabbilixxu li kellhom att indirizzat lilhom jew li l-att kien jirrigwardahom kemm direttament (ara l-Kawża C-486/01 Front National vs Il-Parlament) kif ukoll individwalment għalihom (ara l-Kawża C-25/62 Plaumann vs Il-Kummissjoni tal-KEE).

Ir-raġunijiet għall-annullament ta’ att

L-Artikolu 263 tat-TFUE (il-paragrafu 2) jistabbilixxi r-raġunijiet li ġejjin biex jiġi annullat att:

  • nuqqas ta’ kompetenza;
  • ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, pereżempju l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-prerogattivi ta’ istituzzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni, bħar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni fil-kawża tal-iżoglukożju (il-Kawżi C-138/79 Roquette vs Il-Kunsill u C-139/79 Maizena vs Il-Kunsill);
  • ksur tat-Trattati jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
  • ksur ta’ kwalunkwe stat tad-dritt relatat mal-applikazzjoni tat-Trattati; u
  • l-użu ħażin tas-setgħat (ir-rikorrent jeħtieġ li jkun jista’ jagħti prova abbażi tal-fatti li l-att ikkontestat ġie adottat għal skopijiet mhux awtorizzati (il-Kawża C-23/76, Pellegrini et vs Il-Kummisjoni et).

L-annullament ta’ att

L-Artikolu 264 tat-TFUE huwa l-bażi legali għall-annullament ta’ att.

  • Meta r-rikors għal annullament ikun fondat, il-Qorti tiddikjara l-att null.
  • Meta l-Qorti tqis li jkun meħtieġ, tista’ tiddikjara liema mill-effetti tal-att li tkun iddikjarat null għandhom jitqiesu bħala definittivi. Fi kliem ieħor, tista’ tiddikjara ċerti aspetti tal-att ikkontestat operattivi fl-interess ta’:
    • il-ħtieġa għal ċertezza legali (ara, pereżempju, il-Kawża C-21/94 Il-Parlament vs Il-Kunsill); jew
    • il-ħtieġa li jiġu sospiżi l-effetti tal-annullament sakemm istituzzjoni kompetenti tadotta att li jissostitwixxi dak annullat.
  • Meta l-Qorti tiddeċiedi li att ikun null, l-effett tal-annullament ġeneralment ikun mill-punt tal-adozzjoni tal-att in kwistjoni (magħruf bħala ex tunc). Madankollu, l-effett jista’ jkun ukoll mid-data tas-sentenza tal-Qorti (ex nunc). Barra minn hekk, il-Qorti tista’ żżomm l-effetti tal-att annullat.
  • Annullament jista’ jkun ukoll parzjali, bħal fil-Kawża C-378/00 Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, meta l-Qorti tannulla artikolu ta’ att, iżda tiddikjara li l-miżuri li jimplimentaw dak l-att, li kienu diġà ġew adottati, għandhom jibqgħu.

Il-konformità mas-sentenza tal-Qorti

Il-parti li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti (l-Artikolu 266 tat-TFUE).

SFOND

Rikors għall-annullament huwa strument legali li jippermetti lill-pajjiżi tal-UE u lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll liċ-ċittadini, lill-kumpaniji u lill-gruppi ta’ interess f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, li jitolbu direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea twettaq stħarriġ ġudizzjarju biex tivverifika l-legalità tal-atti tal-UE.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 5 — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 263 (ex Artikolu 230 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 162–163)

Il-Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 5 — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 264 (ex Artikolu 231 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 163)

Il-Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 5 — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 266 (ex Artikolu 233 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 163)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Seba’ Parti — Dispożizzjonijiet ġenerali u finali — Artikolu 340 (ex Artikolu 288 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 193)

Il-Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn — Taqsima 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 171)

l-aħħar aġġornament 20.01.2021

Top