Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Côte d’Ivoire, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni 2009/156/KE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Côte d’Ivoire, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Ftehim joħloq bażi inizjali għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju.
  • Id-Deċiżjoni timmarka l-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-UE u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

L-objettivi ewlenin ta’ dan il-Ftehim interim huma li:

  • jippermetti lill-Kosta tal-Avorju tibbenefika mill-aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti offrut mill-UE fil-kuntest tan-negozjati dwar FSE, u li jevita interruzzjoni fil-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet wara l-iskadenza tas-sistema kummerċjali tranżizzjonali tal-Ftehim ta’ Cotonou fl-2007 (ara s-sommarju), sakemm jiġi konkluż FSE komprensiv;
  • jistabbilixxi l-bażi għan-negozjati ta’ FSE reġjonali li se jgħin biex jitnaqqas il-faqar u jippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, il-kooperazzjoni ekonomika u l-governanza tajba fl-Afrika tal-Punent, kif ukoll ittejjeb il-kapaċitajiet tal-Afrika tal-Punent fir-rigward tal-politika kummerċjali u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ;
  • isaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet fuq il-bażi ta’ solidarjetà u ta’ interess reċiproku;
  • joħloq ftehim li huwa kompatibbli mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-Ftehim ikopri għadd ta’ aspetti politiċi u ekonomiċi, li jinkludu:

  • il-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex tgħin lill-Kosta tal-Avorju tilħaq l-għanijiet tal-FSE, inklużi l-aspetti finanzjarji u mhux finanzjarji;
  • sistema kummerċjali għall-merkanzija, inklużi regoli dwar id-dazji doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-miżuri tad-difiża tal-kummerċ bħal salvagwardji li jippermettu lil kull parti terġa’ ddaħħal id-dazji jew il-kwoti fuq l-importazzjonijiet mill-parti l-oħra jekk dawn l-importazzjonijiet ifixklu jew jheddu li jaffettwaw b’mod negattiv l-ekonomija tagħha — hemm ukoll salvagwardji għas-sigurtà tal-ikel u għall-protezzjoni tal-industriji emerġenti;
  • kapitolu dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u miżuri sanitarji u fitosanitarji biex jgħinu lill-esportaturi Avorjani jissodisfaw aħjar l-istandards tal-importazzjoni tal-UE;
  • impenn biex titħeġġeġ l-l-adozzjoni ta’ FSE globali bejn l-UE u l-Afrika tal-Punent, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ fis-servizzi, l-investiment, il-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali u l-akkwist pubbliku;
  • il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim;
  • regoli istituzzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ kumitat tal-FSE biex jamministra l-aspetti kollha tal-Ftehim;
  • Protokoll 1, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Ftehim ilu japplika b’mod proviżorju mit-3 ta’ Settembru 2016.

SFOND

Ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huma rregolati mill-Ftehim ta’ Cotonou. Bħalissa qed jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-AKP u l-UE. Il-ftehim eżistenti kellu jiskadi fl-2020 iżda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu ġiet estiża sat-30 ta’ Novembru 2021.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Côte d’Ivoire, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra— Protokols (ĠU L 59, 3.3.2009, pp. 3-273)

Il-bidliet suċċessivi għall-Ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/156/KE tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Côte d’Ivoire, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 59, 3.3.2009, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika (JOIN(2020) 4 final, 9.3.2020)

L-Avviż li jikkonċerna l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 272, 7.10.2016, p. 1)

Il-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 — Protokolli — Att Finali — Dikjarazzjonijiet (ĠU L 317, 15.12.2000, pp. 3-353)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.01.2021

Top