Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Iżrael min-naħa l-oħra

Deċiżjoni 2013/398/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Iżrael min-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/952 dwar il-konklużjoni, f’isem l-UE, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u l-Iżrael, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim jiftaħ is-suq għal titjiriet diretti għal-linji tal-ajru kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Iżrael bejn l-UE u l-Iżrael.
  • Huwa jipprovdi wkoll qafas regolatorju u jistabbilixxi standards għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet dwar l-avjazzjoni, bħas-sigurtà tal-avjazzjoni, is-sikurezza, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-maniġment tat-traffiku tal-ajru, ir-regolament ekonomiku, kwistjonijiet tal-kompetizzjoni u aspetti soċjali.
  • Id-deċiżjoni tal-2013 (adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2012) awtorizzat l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim; id-deċiżjoni tal-2020 tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

L-iskema tkopri 3 oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni:

  • 1.

    Regoli ekonomiċi

    Il-ftehim jistabbilixxi r-regoli fuq għadd ta’ aspetti ta’ kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Iżrael, inkluż:

    • id-drittijiet tat-traffiku inkluż id-dritt bla limitu għal titjir bejn l-UE u l-Iżrael jew fuq it-territorju tal-parti l-oħra jew għal waqfa fit-territorju tal-parti l-oħra għal finijiet mhux ta’ traffiku;
    • awtorizzazzjonijiet għat-trasportaturi bl-ajru ta’ kull parti biex joperaw fit-territorju tal-parti l-oħra;
    • regoli biex jiżguraw kompetizzjoni ġusta u biex jiffaċilitaw attivitajiet imprenditorjali;
    • regoli fir-rigward ta’ tariffi għal ajruporti u faċilitajiet u servizzi tal-avjazzjoni.
  • 2.

    Kooperazzjoni regolatorja (is-sigurtà tal-avjazzjoni, is-sikurezza u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, eċċ.)

    Iż-żewġ partijiet għandhom:

    • jikkonformaw ma’ ċerta leġiżlazzjoni tas-sigurtà tal-UE, kif elenkat fl-anness għal dan il-ftehim;
    • jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tas-sigurtà ta’ xulxin;
    • jikkoperaw fuq is-sigurtà u jaħdmu lejn għarfien reċiproku tal-istandards tas-sigurtà tal-partijiet;
    • jikkoperaw fuq il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bil-ħsieb li jestendu l-Ajru Uniku Ewropew għall-Iżrael, u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, kif elenkat fl-anness għal dan il-ftehim.
  • 3.

    Regoli istituzzjonali (amministrazzjoni u infurzar)

    • Kull parti hija responsabbli għall-infurzar tar-regoli tal-ftehim fit-territorju tagħha.
    • Kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet, li jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehim u biex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu.
    • Il-ftehim jinkludi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim u jippermetti lil kwalunkwe parti tieħu miżuri ta’ salvagwardja jekk il-parti l-oħra ma tissodisfax l-obbligi tagħha.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

SFOND

Din hija waħda minn għadd ta’ ftehimiet bilaterali li jsaħħu r-relazzjonijiet tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Niżviluppaw l-aġenda għall-politika dwar l-avjazzjoni esterna tal-Komunità.

Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda u l-gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (ĠU L 208, 2.8.2013, pp. 3-67)

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni 2013/398/KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (ĠU L 208, 2.8.2013, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (ĠU L 212, 3.7.2020, pp. 10-11)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (COM (2012) 556 final, 27.9.2012)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Niżviluppaw l-aġenda għall-politika dwar l-avjazzjoni esterna tal-Komunità (COM(2005) 79 final, 11.3.2005)

l-aħħar aġġornament 26.10.2020

Top