Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika — gradazzjonijiet u miżuri tas-sigurtà tal-informazzjoni

Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika — gradazzjonijiet u miżuri tas-sigurtà tal-informazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (Euratom) Nru 3 li jimplimenta l-Artikolu 24 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament jistabbilixxi gradazzjonijiet ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà biex tiġi protetta l-Informazzjoni Klassifikata tal-Euratom (ECI) koperta mill-Artikoli 24 u 25 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). L-ECI tista’ tinkludi rapporti, data, dokumenti, oġġetti u mezzi ta’ riproduzzjoni.
  • L-Artikolu 24 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika jirreferi għal informazzjoni mill-programm ta’ riċerka nukleari tal-UE, li tista’ tagħmel ħsara lill-interessi tad-difiża tal-pajjiżi tal-UE jekk tiġi żvelata. Bl-istess mod, l-Artikolu 25 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika jirreferi għal informazzjoni dwar il-privattivi u l-mudelli ta’ utilità*.

PUNTI EWLENIN

Il-miżuri tas-sigurtà u l-istruzzjonijiet dwar kif għandhom jiġu applikati jinħarġu minn:

  • l-istituzzjonijiet, il-kumitati, is-servizzi u l-installazzjonijiet tal-UE;
  • il-pajjiżi tal-UE u l-awtoritajiet tagħhom;
  • Impriżi konġunti;
  • Individwi u impriżi.

Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet Bureau tas-Sigurtà biex:

  • jikkoordina u jiżgura l-applikazzjoni ġenerali tal-miżuri tas-sigurtà;
  • jissorvelja kif il-miżuri jiġu applikati fl-istituzzjonijiet, il-kumitati, is-servizzi u l-installazzjonijiet tal-UE;
  • jivverifika li l-miżuri jiġu applikati mill-pajjiżi tal-UE;
  • iressaq emendi għar-regolament fejn ikun meħtieġ.

F’kull istituzzjoni, kumitat jew servizz tal-UE fejn titħejja jew tinżamm l-ECI jinħatar Uffiċjal tas-Sigurtà, responsabbli biex:

  • jirreġistra l-ECI;
  • iżomm lista ta’ persuni intitolati biex ikollhom aċċess għall-ECI;
  • jagħti struzzjonijiet lill-impjegati fid-dmirijiet tagħhom ta’ sigurtà;
  • jiżgura li l-miżuri fiżiċi ta’ sigurtà jiġu applikati.

Gradazzjonijiet, awtorizzazzjoni u skrinjar

  • Il-gradazzjonijiet tas-sigurtà tal-ECI jiġu ddeterminati skont il-livell ta’ ħsara li l-iżvelar mhux awtorizzat jikkawża lill-interessi tad-difiża tal-pajjiżi tal-UE:
    • Eura — Sigriet Assolut: l-iżvelar ikollu konsegwenzi serji ħafna għall-interessi tad-difiża;
    • Eura — Sigriet: l-iżvelar ikollu konsegwenzi serji għall-interessi tad-difiża;
    • Eura — Kunfidenzjali: l-iżvelar ikun ta’ ħsara għall-interessi tad-difiża;
    • Eura — Ristrett: l-iżvelar jaffettwa l-interessi tad-difiża iżda jkun jeħtieġ inqas sigurtà minn dokumenti kklassifikati Eura — Kunfidenzjali.
  • Ir-referenzi għad-dokumenti jew data indikati Eura — Sigriet u Eura — Sigriet Assolut għandhom jinżammu għal minimu u m’għandhomx jiżvelaw il-kontenut jew il-gradazzjonijiet tas-sigurtà tagħhom.
  • L-aċċess għall-ECI (ħlief Eura — Ristrett) jingħata biss lil persuni awtorizzati li għandhom ħtieġa ċara li jirċievu tali informazzjoni. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata wara proċess ta’ skrinjar mill-Bureau tas-Sigurtà jew mill-pajjiżi tal-UE.

Protezzjoni fiżika tal-ECI

  • ECI gradata Eura — Sigriet Assolut, Eura — Sigriet, u Eura — Kunfidenzjali għandha tiġi ttimbrata fuq kull paġna;
  • Il-kopji tal-ECI għandhom ikunu limitati għal rekwiżiti immedjati u essenzjali;
  • Kopji tal-ECI gradata Eura — Sigriet Assolut jsiru biss bil-kunsens tal-Bureau tas-Sigurtà u, fil-każ ta’ informazzjoni dwar il-privattivi, bil-kunsens tal-pajjiż ta’ oriġini tal-UE;
  • Il-bini li fih tinżamm l-ECI gradata Eura — Kunfidenzjali u ta’ livelli ogħla għandu jkun sikur, u l-impjegati u l-viżitaturi għandhom jiġu identifikati b’mod pożittiv;
  • Il-viżitaturi m’għandhomx jitħallew mhux akkumpanjati f’bini li jkun fih ECI;
  • Ir-regoli relatati mal-kabinetti msaħħa tas-sigurtà japplikaw għal gradazzjonijiet differenti tas-sigurtà;
  • L-ECI kollha gradata Eura — Sigriet Assolut u Eura — Sigriet għandha tiġi rreġistrata b’mod speċjali;
  • Iċ-ċirkolazzjoni interna tal-ECI għandha tkun b’tali mod li jipprevjeni li tiġi rilaxxata;
  • L-ECI gradata Eura — Kunfidenzjali jew f’livell ogħla li tintbagħat barra bini għandha titqiegħed f’żewġ enveloppi, b’dak ta’ ġewwa biss ikollu l-gradazzjoni tas-sigurtà;
  • L-ECI gradata Eura — Kunfidenzjali jew f’livell ogħla mibgħuta barra mill-pajjiż għandha tintbagħat permezz ta’ borża diplomatika, filwaqt li l-ECI fil-livell ta’ Sigriet Assolut għandha tkun fil-kustodja ta’ kurrier akkumpanjat minn persuna oħra. L-ECI gradata Eura — Sigriet u Eura — Kunfidenzjali mibgħuta barra mill-pajjiż għandha tintbagħat permezz ta’ borża diplomatika;
  • Regoli stretti japplikaw għall-awtorizzazzjoni tal-qerda sigura ta’ kwalunkwe ECI li ma tkunx għadha meħtieġa.

META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-15 ta’ Novembru 1958.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Mudell ta’ utilità: dritt irreġistrat li jagħti lid-detentur l-użu esklussiv ta’ invenzjoni teknika bi skambju għal żvelar pubbliku tax-xogħlijiet tal-invenzjoni, u li jingħata biss għal perjodu limitat.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3 li jimplimenta l-Artikolu 24 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 17, 6.10.1958, pp. 406-416)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni Konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika — Titolu II — Dispożizzjonijiet maħsuba biex jinkuraġġixxu l-progress fil-qasam tal-enerġija nukleari — Kapitolu 2: Disseminazzjoni tal-informazzjoni — Taqsima 3: Disposizzjonijiet li jirrigwardjaw is-sigurtà — Artikolu 24 (ĠU C 203, 7.6.2016, pp. 15-16)

Verżjoni Konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika — Titolu II — Dispożizzjonijiet maħsuba biex jinkuraġġixxu l-progress fil-qasam tal-enerġija nukleari — Kapitolu 2: Disseminazzjoni tal-informazzjoni — Taqsima 3: Disposizzjonijiet li jirrigwardjaw is-sigurtà — Artikolu 25 (ĠU C 203, 7.6.2016, pp. 16-17)

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top