EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd f’ibħra internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

Il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd f’ibħra internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

 

SOMMARJU TA’:

Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

Id-Deċiżjoni 2011/189/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

Id-Deċiżjoni 2012/130/UE, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-UE, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

Id-depożitu tal-UE tal-istrument tagħha ta’ approvazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-konvenzjoni timmira li tiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, filwaqt li tissalvagwardja l-ekosistemi tal-baħar li jeżistu fihom dawn ir-riżorsi. Dan japplika għan-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku lil hinn miż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali, f’konformità mad-dritt internazzjonali. Il-konvenzjoni tkopri r-riżorsi tas-sajd kollha minbarra:
    • l-ispeċijiet sedentarji (fl-istadju li jistgħu jinħasdu, li jew ma jiċċaqalqux fuq qiegħ il-baħar jew taħu jew li ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu ħlief f’kuntatt fiżiku kostanti ma’ qiegħ il-baħar jew mas-sottoswol),
    • l-ispeċijiet li jpassu ħafna,
    • l-ispeċijiet anadromi (ħut li jgħix fil-baħar u li jemigra lejn l-ilma ħelu biex jipproduċi),
    • l-ispeċijiet katadromi (ħut li jqatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fl-ilma ħelu, imbagħad jemigra lejn il-baħar biex jipproduċi), u
    • il-mammiferi tal-baħar, ir-rettili tal-baħar u t-tjur tal-baħar.
  • Id-deċiżjoni tapprova l-konvenzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea (UE).
  • Biex tikkonkludi l-konvenzjoni, l-UE ddepożitat l-istrument tagħha ta’ approvazzjoni fit-18 ta’ Ottubru 2011 mal-gvern ta’ New Zealand bħala d-depożitarju għall-konvenzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-Partijiet għall-konvenzjoni għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin, filwaqt li jadottaw approċċ prekawzjonarju u ekosistemiku.

  • Il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu trasparenti, responsabbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika internazzjonali.
  • Is-sajd għandu jkun sostenibbli, iqis l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira u assoċjati jew dipendenti u l-obbligu li l-ambjent tal-baħar jiġi protett u ppreservat.
  • Is-sajd eċċessiv u l-kapaċità żejda għas-sajd għandhom ikunu evitati jew eliminati.
  • Id-data kollha dwar is-sajd, inkluż l-impatt fuq l-ekosistemi tal-baħar, għandha tinġabar u tiġi kondiviża.
  • Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli u fuq il-parir tal-korpi sussidjarji rilevanti kollha.
  • Jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost il-partijiet għall-konvenzjoni biex jassiguraw li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni maħtura skont il-konvenzjoni jkunu kompatibbli ma’ dawk applikati f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali.
  • L-ekosistemi tal-baħar għandhom ikunu protetti, b’mod partikolari dawk li jieħdu żmien twil biex jirkupraw wara li jkunu ġew imfixkla.
  • Għandhom jiġu rikonoxxuti l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-territorji u l-possessjonijiet — flimkien mal-ħtiġijiet tal-komunitajiet kostali tagħhom.
  • Għandha tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni flimkien ma’ sanzjonijiet biex jiskoraġġixxu l-ksur u biex it-trasgressuri jiġu evitati milli jibbenefikaw mill-attivitajiet illegali tagħhom.
  • It-tniġġis u l-iskart mill-bastimenti tas-sajd, ir-rimi, il-qbid minn irkaptu mitluf jew abbandunat u l-impatti fuq speċijiet oħra u fuq l-ekosistemi tal-baħar għandhom jiġu mminimizzati.

Fl-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju, il-partijiet għandhom:

  • ikunu aktar kawti meta l-informazzjoni tkun inċerta, mhux affidabbli jew adegwata;
  • ma jużawx in-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata bħala raġuni għan-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni;
  • iqisu l-aħjar prattika internazzjonali.

L-approċċ ekosistemiku huwa approċċ integrat fejn jittieħdu deċiżjonijiet biex jissalvagwardjaw l-ekosistemi tal-baħar usa’ u biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tulu l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

Organizzazzjoni

Il-konvenzjoni tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO). L-SPRFMO tikkonsisti mill-korpi li ġejjin, kif ukoll minn kwalunkwe korp sussidjarju li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skont il-konvenzjoni.

  • Il-Kummissjoni
  • Il-Kumitat Xjentifiku
  • Il-Kumitat Tekniku u dwar il-Konformità
  • Il-Kumitat ta’ Ġestjoni Subreġjonali tal-Lvant
  • Il-Kumitat ta’ Ġestjoni Subreġjonali tal-Punent
  • Il-Kumitat tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni
  • Is-Segretarjat.

Kull parti kontraenti għall-konvenzjoni hija membru tal-Kummissjoni u taħtar rappreżentant wieħed għall-Kummissjoni u għall-kumitati. Dan ir-rappreżentant jista’ jkun akkumpanjat minn rappreżentanti, esperti u konsulenti sostituti. Kull membru tal-Kummissjoni, inkluża l-UE, għandu:

  • jimplimenta l-konvenzjoni u kwalunkwe miżura adottata mill-Kummissjoni, u jiżgura l-effettività tagħhom;
  • jikkoopera fil-kisba tal-objettiv tal-konvenzjoni;
  • jaġixxi biex jevita, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali:
  • jiġbor, jirraporta u jagħmel skambju ta’ data xjentifika, teknika u statistika li għandha x’taqsam mar-riżorsi tas-sajd u mal-ekosistemi tal-baħar;
  • jiżgura li l-bastimenti tas-sajd jtajru l-bandiera tiegħu:
    • jikkonforma mal-konvenzjoni u mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni,
    • ma jwettaqx sajd mhux awtorizzat fl-ilmijiet koperti mill-konvenzjoni,
    • jopera tagħmir li jikkonforma mal-istandards tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti,
    • iħott l-art jew jittrasborda l-ħut maqbud fiż-żona tal-konvenzjoni f’konformità mal-istandards u l-proċedura;
  • iżomm reġistru ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu;
  • immedjatament jinvestiga u jirrapporta bis-sħiħ dwar azzjonijiet li jittieħdu bi tweġiba għal kwalunkwe allegat ksur u jiżgura penali xierqa.

Konservazzjoni u ġestjoni

Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiddetermina:

  • in-natura u l-estensjoni tas-sajd għal kull riżorsa tas-sajd, inkluż qabda totali permissibbli jew sforz tas-sajd massimu permissibbli;
  • iż-żoni fejn jista’ jsir is-sajd;
  • il-perjodi meta jista’ jsir is-sajd;
  • il-limiti tad-daqs ta’ qabda li tista’ tinżamm;
  • it-tipi permessi ta’ rkaptu, teknoloġija jew prattiki.

Il-Kummissjoni tista’ tapplika miżuri ta’ emerġenza, fejn is-sajd jippreżenta theddida serja għas-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd jew għall-ekosistema tal-baħar jew meta fenomenu naturali jew diżastru kkawżat mill-bniedem ikollu, jew x’aktarx ikollu, impatt negattiv sinifikanti fuq ir-riżorsi tas-sajd.

Is-sajd ġdid jew esploratorju jista’ jkun miftuħ għas-sajd biss meta l-Kummissjoni tkun adottat miżuri preliminari kawti ta’ konservazzjoni u ġestjoni.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri kooperattivi xierqa għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, sabiex tkun żgurata l-konformità mal-konvenzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll Programm ta’ Osservaturi biex jiġbor data vverifikata dwar il-qbid u l-isforzi, data xjentifika oħra u informazzjoni addizzjonali relatata mal-attività tas-sajd u mal-impatti tagħha fuq l-ambjent tal-baħar.

Partijiet għall-konvenzjoni

Il-membri tal-SPRFMO bħalissa jinkludu l-Awstralja, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, il-Gżejjer Cook, Kuba, l-Ekwador, l-UE, id-Danimarka (għall-Gżejjer Faroe), New Zealand, il-Perù, ir-Russja, il-Korea t’Isfel, It-Tajwan (it-Tajpej Ċiniż), l-Istati Uniti u Vanuatu.

Annessi

L-annessi għall-konvenzjoni jiddefinixxu:

  • ż-żoni tan-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku koperti mill-Kumitati ta’ Ġestjoni Subreġjonali tal-Lvant u tal-Punent rispettivament;
  • regoli addizzjonali biex ikunu stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli jew l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f’ċirkostanzi speċifiċi;
  • il-kompożizzjoni u l-kompiti tal-Kumitat ta’ Rieżami li jittratta kwalunkwe oġġezzjoni li jqajmu l-membri għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni;
  • iċ-ċirkostanzi li fihom l-entitajiet tas-sajd jistgħu jesprimu impenn biex jimxu mat-termini tal-konvenzjoni.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

It-test tal-konvenzjoni ġie miftiehem f’Novembru 2009 u kien miftuħ għall-iffirmar mill-1 ta’ Frar 2010 sal-31 ta’ Jannar 2011. L-UE ffirmat it-test tal-konvenzjoni fis-26 ta’ Lulju 2010 u approvatu fit-3 ta’ Ottubru 2011.

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Awwissu 2012 u tibqa’ miftuħa għall-adeżjoni.

SFOND

Ara wkoll:

  • Dwar l-SPRFMO (Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku).

DOKUMENTI EWLENIN

Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (ĠU L 67, 6.3.2012, pp. 3–28).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/189/UE tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (ĠU L 81,29.3.2011, pp. 1–2).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/130/UE tat-3 ta’ Ottubru 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (ĠU L 67, 6.3.2012, pp. 1–2).

Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku — Id-depożitu tal-istrument tal-approvazzjoni mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 255, 21.9.2012, p. 2).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/975 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) Żona tal-Konvenzjoni (ĠU L 179, 16.7.2018, pp. 30–75).

l-aħħar aġġornament 08.11.2021

Top