Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 87/369/KEE — il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti tal-Protokoll li Jemendaha

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

Protokoll ta’ Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI, TAL-KONVENZJONI U TAL-PROTOKOLL?

Id-deċiżjoni tikkonferma li l-UE se tapplika l-konvenzjoni internazzjonali u l-protokoll ta’ emenda mill-1 ta’ Jannar 1988.

Il-konvenzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi tal-istatistika dwar il-kummerċ permezz u ta’ klassifikazzjonijiet miftiehma.

Il-protokoll ta’ emenda jiddikjara li l-konvenzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar f’sena partikolari ladarba mill-inqas 17-il pajjiż, unjonijiet doganali jew ekonomiċi jkunu ffirmawha, iżda mhux qabel l-1 ta’ Jannar 1988.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni:

  • tikkonferma li l-firmatarji kollha:
    • jiggarantixxu li t-tariffi doganali u l-intestaturi statistiċi tagħhom ikunu konformi mas-sistema armonizzata (SA) ladarba l-konvenzjoni tidħol fis-seħħ,
    • japplikaw ir-regoli ġenerali tal-konvenzjoni,
    • jagħmlu pubblikament disponibbli l-istatistika tagħhom dwar il-kummerċ tal-importazzjoni u l-esportazzjoni skont il-kodiċijiet b’sitt ċifri tas-SA,
    • jistgħu japplikaw suddiviżjonijiet biex jikklassifikaw oġġetti taħt il-livell tas-SA;
  • tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw:
    • idewmu l-użu ta’ xi wħud mis-subintestaturi tas-SA jew kollha kemm huma, iżda tħeġġiġhom jadottaw is-sistema fi żmien 5 snin;
  • tinnota li l-pajjiżi żviluppati, jekk jintalbu, se jipprovdu assistenza teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom japplikaw is-SA;
  • tistabbilixxi kumitat għal sistema armonizzata, li:
    • ikollu rappreżentant wieħed minn kull firmatarju,
    • jiltaqa’ b’mod normali, mill-anqas darbtejn fis-sena,
    • jipproponi emendi lill-konvenzjoni,
    • iħejji noti ta’ spjegazzjoni, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li s-SA tiġi applikata b’mod uniformi,
    • jiġbor u jiċċirkola informazzjoni dwar is-SA;
  • jiddikjara li l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) (li qabel kienet il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali) teżamina l-emendi proposti għall-konvenzjoni u tirrakkomandhom lill-firmatarji;
  • tirrikjedi li kull tilwima bejn il-firmatarji dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-konvenzjoni tiġi solvuta permezz ta’ negozjati — fin-nuqqas ta’ dan, il-kwistjoni tiġi riferuta lill-kumitat tas-sistema armonizzata tad-WCO;
  • tistabbilixxi li dawn li ġejjin jistgħu jaderixxu mal-konvenzjoni:
    • pajjiżi membri tad-WCO,
    • unjonijiet doganali jew ekonomiċi bis-setgħa li jiffirmaw trattati,
    • pajjiżi mistiedna biex jagħmlu dan;
  • tagħti d-dritt lill-firmatarji li jiddeċiedu jekk il-konvenzjoni tgħoddx għal xi wieħed mit-territorji dipendenti tagħhom;
  • huwa ta’ tul illimitat.

Il-konvenzjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni dwar in-Nomenklatura ffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

SFOND

  • Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti ġiet żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Din tintuża minn 211-il ekonomija, li 160 minnhom huma firmatarji għall-konvenzjoni, għat-tariffi doganali tagħhom u għall-ġbir ta’ statistika dwar il-kummerċ internazzjonali.
  • Fiha madwar 5,000 grupp ta’ prodotti bażiċi, kull wieħed minnhom identifikat b’kodiċi b’sitt ċifri, u tikklassifika aktar minn 98% tal-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija.
  • Il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-settur privat jużaw is-sistema armonizzata għal ħafna skopijiet oħra, inklużi t-taxxi interni, il-politiki kummerċjali, il-monitoraġġ tal-merkanzija kkontrollata u r-rati tan-nol. Dan jagħmilha lingwa ekonomika universali u kodiċi għall-merkanzija.
  • Il-konvenzjoni tiġi aġġornata kull 5 snin. L-aħħar verżjoni, li fiha 351 emenda, se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022 (u tissostitwixxi l-verżjoni attwali mill-2017).

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 1-2)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 3-10)

Protokoll ta’ Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 11-409)

l-aħħar aġġornament 17.09.2020

Top