Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-proċedimenti tal-antitrust tal-UE — regoli għall-għoti ta’ kumpens għal kooperazzjoni

Il-proċedimenti tal-antitrust tal-UE — regoli għall-għoti ta’ kumpens għal kooperazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Avviż dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN L-AVVIŻ?

  • Dan jistabbilixxi l-proċedimenti u l-kriterji għall-għoti ta’ kumpens lill-kumpaniji — permezz ta’ penali aktar baxxi — li jammettu lill-Kummissjoni Ewropea li pparteċipaw f’kartell* illegali.
  • Dan jipprovdi gwida għall-komunitajiet legali u tan-negozju.
  • L-imġiba antikompetittiva ma tippermettix li s-suq uniku jopera mingħajr xkiel u hija illegali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li qabel kien l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

PUNTI EWLENIN

L-avviż jispjega kif il-Kummissjoni tapplika l-kontenut taż-żewġ regolamenti li ġejjin f’każijiet ta’ kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni, fil-proċess ta’ riżolviment ta’ tilwim:

  • ma tinnegozjax jekk inkisritx il-liġi tal-UE; lanqas ma tinnegozja s-sanzjoni xierqa;
  • tiddeċiedi jekk għandux jiġi esplorat riżolviment ta’ tilwim possibbli jew le, skont il-possibilitajiet ta’ eżitu b’suċċess, u tista’ twaqqaf il-proċediment f’ċerti ċirkostanzi;
  • ma tistax timponi proċediment ta’ riżolviment ta’ tilwim fuq il-kumpaniji involuti;
  • tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tad-difiża tal-partijiet li jwieġbu għall-verità u r-rilevanza tal-fatti, l-oġġezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li tippreżenta — prinċipju sottolineat f’Hoffmann-La Roche & Co. AG vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (Kawża 85/76).

Proċediment

Ftuħ tal-proċedimenti u passi esploratorji

Il-Kummissjoni:

  • tidentifika l-persuni ġuridiċi li qed jiffaċċjaw penali possibbli;
  • tagħti lill-partijiet ikkonċernati ġimagħtejn biex iwieġbu bil-miktub billi jiddikjaraw jekk humiex qed jaħsbu li jieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar riżolviment ta’ tilwim;
  • tirrikonoxxi li risposta pożittiva ma tfissirx li l-partijiet jammettu li kisru l-liġi tal-UE;
  • tikteb lill-partijiet kollha kkonċernati, u lill-pajjiżi tal-UE, u tinfurmahom dwar il-bidu tal-proċess ta’ riżolviment ta’ tilwim u titlobhom jesprimu l-interess tagħhom.

Diskussjonijiet dwar ir-riżolviment ta’ tilwim

Il-Kummissjoni:

  • tista’ tiddeċiedi li jkollha kuntatt bilaterali ma’ dawk ikkonċernati;
  • tiddetermina l-adegwatezza u l-pass tad-diskussjonijiet bilaterali;
  • għandha tiżvela l-informazzjoni fil-ħin sabiex il-partijiet involuti jkunu konxji mill-fatti allegati, mill-gravità tagħhom u mill-firxa ta’ multi probabbli li jippermettulhom li jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jagħżlux riżolviment jew le;
  • tagħti lil kumpanija limitu ta’ żmien finali ta’ 15-il jum ta’ xogħol biex tressaq il-preżentazzjoni definittiva tagħha ta’ riżolviment ta’ tilwim, jekk temmen li sar progress suffiċjenti fid-diskussjonijiet tagħhom.

Sottomissjonijiet ta’ riżolviment ta’ tilwim

Il-kumpaniji involuti formalment jitolbu li jagħżlu riżolviment billi jippreżentaw sottomissjoni ta’ riżolviment ta’ tilwim, li ma jistgħux jirtiraw b’mod unilaterali wara. Tinkludi:

  • rikonoxximent ċar u inekwivoku tar-responsabbiltà tagħhom għall-imġiba illegali;
  • indikazzjoni tal-multi massimi li jipprevedu li l-Kummissjoni timponi u li huma jaċċettaw fil-proċedura ta’ riżolviment ta’ tilwim;
  • konferma li ġew infurmati biżżejjed bil-kawża tal-Kummissjoni kontrihom u kellhom opportunità adegwata biex iwieġbu;
  • ftehim li ma jipprevedux li jkollhom aċċess għall-proċess tal-kawża jew għal seduta orali, sakemm ma jqisux li l-Kummissjoni, fil-fażi li jmiss, ma tirriflettix b’mod preċiż is-sottomissjoni tagħhom;
  • ftehim li jirċievu t-tweġiba tal-Kummissjoni (magħrufa bħala d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet) għas-sottomissjonijiet tagħhom.

Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet

Il-Kummissjoni:

  • tqis l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi li l-kumpaniji ppreżentaw fis-sottomissjonijiet tagħhom;
  • taċċetta jew tiċħad dawn l-argumenti u tista’ temenda l-analiżi preliminari tagħha fejn xieraq;
  • tagħti lill-kumpaniji kkonċernati mill-inqas ġimagħtejn biex jikkonfermaw li huma jibqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ riżolviment ta’ tilwim, meta taċċetta l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom;
  • tagħti limitu ta’ żmien ġdid lill-kumpanija li s-sottomissjoni tagħha ma kinitx indirizzata sabiex tippermetti lil din il-kumpanija, jekk tixtieq, tippreżenta difiża ġdida; il-kumpanija tista’ wkoll possibbilment tingħata aċċess għall-fajl u talba għal seduta orali;
  • tista’ tiddeċiedi li tadotta dikjarazzjoni li titbiegħed mis-sottomissjoni ta’ kumpanija, u għalhekk il-każ imur lura għall-proċedura ordinarja.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni u għoti ta’ kumpens għal riżolviment

Il-Kummissjoni:

  • tikkonsulta uffiċjali nazzjonali fil-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti;
  • tnaqqas b’10 % l-multa imposta fuq kumpanija li tikkoopera matul il-proċess kollu ta’ riżolviment ta’ tilwim.
  • tista’ tiddeċiedi li tadotta deċiżjoni finali li tkun differenti mid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet approvata mill-partijiet, meta jseħħ dan, il-każ imur lura għall-proċedura ordinarja. F’ċirkostanzi bħal dawn, din toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet oħra, li tippermetti lill-kumpanija kkonċernata li jkollha aċċess għall-fajl, titlob seduta orali u twieġeb għad-dikjarazzjoni l-ġdida.

B’mod parallel, il-Kummissjoni ħarġet avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (l-Avviż ta’ Klemenza).

MINN META JAPPLIKA L-AVVIŻ?

Dan ilu japplika mit-2 ta’ Lulju 2008.

SFOND

  • Il-proċedura ta’ riżolviment ta’ tilwim tħaffef l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kartelli billi tissimplifika l-proċedimenti varji meta kumpaniji jammettu l-ħtija tagħhom.
  • Din tippermetti lill-Kummissjoni biex tittratta aktar każijiet bl-istess riżorsi, tagħti penali effettivi u f’waqthom u ssaħħaħ id-deterrenza ġenerali.
  • Għal aktar tagħrif, ara:

TERMINI EWLENIN

Kartell: ftehim bejn 2 kompetituri jew aktar biex jiġi mbagħbas is-suq billi jiġu ffissati l-prezzijiet jew il-kwoti, jiġu ristretti l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet u mġiba antikompetittiva oħra.

DOKUMENT EWLIENI

Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU C 167, 2.7.2008, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għall-avviż ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq is-suq, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, pp. 17-22)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emendi għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 256, 5.8.2015, pp. 1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, pp. 18-24)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.05.2020

Top