Ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva (UE) 2019/1023 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Hija timmira li tagħti lill-imprendituri* falluti* t-tieni opportunità.
- Hija tagħmilha aktar faċli għal kumpaniji vijabbli f’diffikultà finanzjarja li jaċċessaw miżuri ta’ ristrutturar fi stadju bikri biex timpedilhom milli jsiru insolventi.
- Hija temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata.
PUNTI EWLENIN
Id-Direttiva tistipula regoli dwar:
- ir-ristrutturar* għad-debituri f’diffikultà finanzjarja sabiex timpedilhom milli jfallu u biex tiżgura l-vijabbiltà tagħhom;
- il-ħelsien mid-dejn ta’ imprendituri insolventi;
- il-miżuri biex il-proċeduri dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza* u l-ħelsien mid-dejn isiru aktar effiċjenti.
Il-leġiżlazzjoni tipprovdi lid-debituri:
- sistema ta’ twissija bikrija u informazzjoni online li tindika kwalunkwe probabbiltà ta’ insolvenza. Dan jista’ jinkludi:
- twissijiet meta ċerti pagamenti ma jsirux;
- servizzi ta’ konsulenza pubbliċi u privati;
- inċentivi għall-partijiet terzi, bħall-kontabilisti u l-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, biex jindikaw problemi potenzjali;
- programm preventiv li jippermettilhom jirristrutturaw il-finanzi tagħhom biex ma jfallux u biex iżommu l-impjiegi u l-attività kummerċjali tagħhom;
- il-possibbiltà li jibqgħu totalment jew parzjalment fil-kontroll tal-assi u tal-attività kummerjaċli ta’ kuljum tagħhom waqt ir-ristrutturar;
- sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar individwali* inizjalment għal massimu ta’ 4 xhur, b’estensjoni possibbli sa perjodu ta’ 12-il xahar, filwaqt li jiġi nnegozjat pjan ta’ ristrutturar.
Pjanijiet ta’ ristrutturar:
- fihom informazzjoni bażika bħall-identità tad-debitur u l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom, il-partijiet affettwati u t-termini tal-pjan;
- jistgħu jiġu sottomessi mid-debituri, mill-kredituri u minn esperti fil-qasam;
- iridu jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex ikunu vinkolanti jekk huma:
- jaffettwaw il-pretensjonijiet jew l-interessi ta’ partiijiet affettwati kuntrarji;
- jipprovdu għal finanzjament ġdid;
- jinvolvu t-telf ta’ aktar minn 25 % tal-forza tax-xogħol;
- ma jaffettwawx id-drittijiet individwali u kollettivi tal-ħaddiema, bħad-drittijiet ta’ negozjar kollettiv, azzjoni industrijali, informazzjoni u konsultazzjoni.
Il-pajjiżi tal-UE:
- jistgħu japplikaw kundizzjonijiet addizzjonali għall-ftehimiet ta’ ristrutturar preventivi, għas-sospensjonijiet ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali, għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar u għall-ħelsien mid-dejn;
- jeħtiġilhom jiżguraw li l-finanzjament temporanju fl-operazzjonijiet ta’ ristrutturar jiġi protett b’mod adegwat;
- jagħtu lill-imprendituri falluti mill-anqas proċedura waħda li tippermettilhom jeħilsu mid-dejn tagħhom kollu fi żmien 3 snin;
- jiżguraw li kwalunkwe skwalifika professjonali li imprenditur insolventi jista’ jkollu tiġi mneħħija kompletament ladarba jeħles mid-dejn tiegħu;
- jipprovdu taħriġ xieraq għall-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi u għall-prattikanti involuti fir-ristrutturar, fl-insolvenza u fil-ħelsien mid-dejn;
- jiġbru data kull sena dwar id-diversi proċeduri użati.
Id-Diretturi, meta aktarx ikun hemm insolvenza, jeħtiġilhom:
- joqogħdu attenti għall-interessi tal-kredituri, tat-titolari ta’ ekwità* u partijiet ikkonċernati oħra;
- jieħdu passi biex jevitaw l-insolvenza;
- ma jaġixxux b’mod deliberat jew negliġenti ħafna li jista’ jfixkel il-vijabbiltà tan-negozju.
Id-Direttiva ma tapplikax għal:
Il-Kummissjoni Ewropea, mhux aktar tard mis-17 ta’ Lulju 2026, u kull 5 snin wara dan, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.
MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Id-Direttiva tibda tapplika fil-pajjiżi tal-UE mis-17 ta’ Lulju 2021, barra mir-regoli dwar il-komunikazzjoni elettronika (Artikolu 28) li jibda japplika mis-17 ta’ Lulju 2024 u s-17 ta’ Lulju 2026.
SFOND
- Il-Kummissjoni tistma li kull sena madwar 200 000 ditta fl-UE jfallu, li jwassal għal aktar minn 1.7 miljun impjieg mitluf.
- Ir-regoli l-ġodda jgħinu lin-negozji jirristrutturaw aktar kmieni, irawmu l-innovazzjoni u jistgħu joħolqu 3 miljun impjieg. Ir-riċerka tissuġġerixxi li n-negozji stabbiliti min-negozjanti li jibdew in-negozju tagħhom mill-ġdid jikbru aktar malajr f’termini ta’ fatturat u impjiegi minn dawk stabbiliti minn dawk li se jkunu se jibdew negozju għall-ewwel darba.
- Ir-regoli l-ġodda jikkumplimentaw ir-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċeduri ta’ insolvenza bejn il-fruntieri tal-UE.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Imprenditur: individwu li jipprattika sengħa, negozju, xogħol tal-idejn jew professjoni.
Fallut: persuna, li wara proċedimenti legali, ġiet iddikjarata insolventi.
Ristrutturar: il-bdil tal-kompożizzjoni, tal-kundizzjonijiet jew tal-istruttura tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ debitur.
Insolvenza: stat finanzjarju meta kumpanija jew individwu ma jkunux jistgħu jħallsu d-djun tagħhom fil-ħin.
Sospensjoni ta’ azzjoni ta’ infurzar individwali: sospensjoni temporanja tad-dritt li kreditur jinforza pretensjoni kontra debitur.
Titolar ta’ ekwità: persuna, inkluż azzjonist, b’interess proprjetarju f’debitur jew fin-negozju tiegħu.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, pp. 18-55)
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, pp. 46-127)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2017/1132 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 19-72)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 08.01.2020