Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata

Mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament Delegat (UE )2019/887 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (EU, Euratom) 2018/1046

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabblixxi l-prinċipji u r-regoli essenzjali għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata (korpi PPP)* koperti mill-Artikolu 71 tar-regolament finanzjarju (ara s-sommarju) għandhom jirrispettaw meta jadottaw l-arranġamenti finanzjarji speċifiċi tagħhom.
  • L-għan tar-regolament delegat huwa li jiżgura ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) mogħtija lil dawn il-korpi.
  • Kull korp PPP jadotta r-regoli finanzjari proprji skont ir-regolament delegat. Korpi PPP jistgħu biss jitbiegħdu mir-regoli tagħhom, minħabba l-bżonnijiet speċifiċi, bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Il-baġit annwali tal-korp PPP għandu jbassar u jawtorizza d-dħul u l-infiq kollu. Dan ikopri:

  • il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali;
  • id-dħul intenzjonat għal spiża speċifika;
  • id-dħul li jiġġenera korp PPP;
  • in-nefqa, inkluż fuq l-amministrazzjoni.

Il-korp PPP għandu jirrispetta l-prinċipji baġitarji li ġejjin.

  • Preċiżjoni unitarja u baġitarja
    • Id-dħul u l-infiq kollu għandu jiġi rreġistrat f’linja tal-baġit.
    • Ebda spiża ma tista’ tkun akbar mill-ammont awtorizzat fil-baġit.
  • Annwalità
    • Is-sena finanzjarja tal-baġit hija mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.
    • Approprjazzjonijiet ta’ impenn* ikopru l-ispejjeż totali li daħlu fihom legalment matul is-sena finanzjarja.
    • Approprjazzjonijiet ta’ pagament* tkopri nefqa li tirrispetta l-impenji legali li saru fis-snin finanzjarji kurrenti u preċedenti.
  • Ekwilibriju
    • Id-dħul u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament għandhom ikunu f’bilanċ.
    • Il-PPP ma tistax tissellef fil-baġit tagħha.
  • Unità tal-kont
    • Il-baġit għandu jitfassal u jiġi implimentat f’euro.
    • L-uffiċjal tal-kontabilità, għall-finijiet ta’ likwidità, jista’ jopera fil-muniti tiegħu.
  • L-universalità
    • Id-dħul totali għandu jkopri l-pagamenti totali.
    • Id-dħul intenzjonat għal għan partikolari, bħal dħul minn fondazzjonijiet, sussidji, rigali u legati, għandu jintuża għal dak l-għan speċifiku.
  • Speċifikazzjoni
    • Approprjazzjonijiet huma intenzjonati għal għanijiet speċifiċi b’titlu u kapitlu.
    • Id-direttur jista’ jittrasferixxi approprjazzjonijiet minn linja baġitarja u kapitlu wieħed, suġġett għal ċertu kundizzjonijiet.
  • Ġestjoni u prestazzjoni finazjarja soda
    • Il-pagamenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.
    • Il-pagamenti jiffukaw fuq il-prestazzjoni, ibbażati fuq l-għanijiet u l-indikaturi biex ikejlu l-progress li sar.
  • Kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit
    • Japplika għal-livelli tal-maniġment kollha.
    • Għandu l-għan li jikseb assigurazzjoni raġonevoli ta’:
      • l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet;
      • l-affidabilità tar-rappurtar;
      • is-salvagwardja tal-assi u l-informazzjoni;
      • il-prevenzjoni, l-iskoperta, il-korrezzjoni u s-segwitu ta’ frodi u irregolaritajiet;
      • il-maniġment adegwat ta’ riskji ta’ tranżazzjonijiet sottostanti.
  • Trasparenza
    • Il-korp PPP għandu jippubblika l-baġit, ir-riċevituri tal-pagamenti u informazzjoni rilevanti oħra tiegħu, fuq is-sit web tiegħu, b’mod faċilment aċċessibbli, trasparenti u komprensiv.
    • Fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interess, il-korp PPP jippubblika d-dikjarazzjoni ta’ interess tal-membri tal-bord ta’ tmexxija fuq is-sit web kull sena.

L-ippjanar finanzjarju jeħtieġ:

  • li l-korp PPP jibgħat lill-Kummissjoni u lil membri oħra stima dettaljata tad-dħul u l-infiq tas-sena ta’ wara u jabbozza programm ta’ ħidma annwali mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar;
  • li l-bord ta’ tmexxija tal-korp tal-PPP jadotta l-pjan ta’ stabbiliment tal-baġit u l-istaff tal-bord.

Ir-regolament jagħmel id-dikjarazzjonijiet li ġejjin.

  • Id-doveri tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni u l-uffiċjal tal-kontabilità huma segregati u esklussivi b’mod reċiproku.
  • Id-direttur iwettaq id-doveri tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni. Dawn jinkludu:
    • ir-rispett tar-regoli tal-korp tal-PPP u l-prinċipji ta’ maniġment finanzjarju sod;
    • l-applikazzjoni ta’ verifiki qabel u possibilment wara li jsiru l-pagamenti;
    • ir-rappurtar annwali lill-bord ta’ tmexxija billi jissottometti rapport tal-attività annwali konsolidata;
    • l-aġir, meta jkun meħtieġ, biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE.
  • Il-bord ta’ tmexxija jaħtar uffiċjal ta’ kontabilità responsabbli għal:
    • l-implimentazzjoni tajba tal-pagamenti, il-ġbir tad-dħul u l-irkupru tal-ammonti dovuti;
    • iż-żamma, il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet;
    • l-implementazzjoni tar-regoli tal-kontabilità u ċ-ċart tal-kontijiet;
    • l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi;
    • l-immaniġġjar tat-teżor.
  • Uffiċjali tal-awtorizzazzjoni u tal-kontabilità, membri tal-bord ta’ tmexxija u oħrajn involuti fl-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tal-baġit għandhom jevitaw kull kunflitt ta’ interess.

Korpi PPP għandu jkollhom funzjoni ta’ verifika interna. L-awditur intern tal-Kummissjoni jwettaq dan ir-rwol billi:

  • jagħti pariri dwar riskji, il-kwalità ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u titjib possibbli;
  • ikollu indipendenza kompluta fix-xogħol tiegħu.

Operazzjonijiet ta’ dħul u nefqa jeħtieġu:

  • dħul: it-tfassil ta’ ammonti riċevibbli, li jistabbilixxu intitolamenti li għandhom jiġu rkuprati u l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti;
  • nefqa: kull entrata li tigi impenjata, validata, awtorizzata u mħallsa.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-korp tal-PPP għandhom jgħinu jiksbu għan ta’ politika tal-UE b’riżultati speċifiċi. Dawn jistgħu jvarjaw minn rimbors ta’ spejjeż eliġibbli sa finanzjament b’rata fissa.

Il-korp PPP għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-każijiet ta’ frodi preżunta jew irregolaritajiet finanzjraji oħra mingħajr dewmien.

Regoli tal-kontabilità jeħtieġu li l-korp PPP:

  • jistabbilixxi sistema kontabilistika li tipprovdi informazzjoni preċiża, kompluta u affidabbli fil-ħin;
  • isegwi proċeduri standard meta jipprovdi dokumenti, rapporti finanzjarji, rapporti ta’ implimentazzjoni tal-baġit, kontijiet proviżorji u finali u rapport annwali dwar il-maniġment baġitarju u finanzjarju.

Awditur estern indipendenti jivverifika l-kontijiet annwali tal-korp PPP, u l-Parlament Ewropew huwa responsabbli li japprova kif il-baġit ġie implimentat (il-“proċedura ta’ kwittanza”).

Staff tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom aċċess għas-siti u l-bini tal-korp PPP biex iwettqu verifiki, u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-30 ta’ Mejju 2019, apparti r-regoli dwar ir-rapport tal-attività konsolidata (l-Artikolu 23) u programm ta’ ħidma annwali (l-Artikolu 33(4)) li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Korpi ta’ Sħubija pubbliċi–privati. Korpi b’personalità ġuridika stabbiliti b’att bażiku u fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata dwar attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u programmi oħra tal-UE, kif imsemmija fl-Artikolu 71 tar-regolament finanzjarju. Dawn il-korpi kapaċi jutilizzaw kemm is-setturi pubbliċi kif ukoll privati biex jipprovdu prodotti u servizzi normalment fornuti minn dak tal-ewwel. Dawn iqiegħdu diversi responabilitajiet u riskji fuq is-sħubija privata, filwaqt li jnaqqsu l-limitazzjonijiet baġitarji stretti.

Dawn jistgħu jkunu strutturati b’modi differenti biex jiksbu firxa wiesgħa ta’ għanijiet f’setturi bħat-trasport u s-saħħa.

Approprjazzjonijiet ta’ impenn. Wegħdiet għall-ħlas, sakemm ċertu kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.
Approprjazzjonijiet ta’ pagament. Nefqa minn impenji fis-snin finanzjarji kurrenti, jew preċedenti.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/887 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 142, 29.5.2019, pp. 16–42).

DOKUMENTI RELATATI

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta’ interess u l-ġestjoni tagħhom skontt ir-Regolament Finanzjarju (ĠU C 121, 9.4.2021, pp. 1–43).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 05.11.2021

Top