EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli dwar kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti bejn bejjiegħa u konsumaturi

Regoli dwar kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti bejn bejjiegħa u konsumaturi

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2019/771 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tiżgura funzjonament xieraq tas-suq intern, filwaqt li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi. Dan tagħmlu billi tistabbilixxi ċerti regoli komuni dwar il-kuntratti għall-bejgħ bejn il-bejjiegħa u l-konsumaturi.

Dawn ikopru:

  • il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt;
  • ir-rimedji jekk m’hemmx konformità;
  • il-modi kif jiġu eżerċitati dawn ir-rimedji;
  • il-garanziji kummerċjali.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tapplika għal kuntratti għall-bejgħ* bejn konsumatur u bejjiegħ għall-provvista ta’ oġġetti*.

Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax:

  • għall-provvista ta’ kontenut diġitali* jew servizzi diġitali*, sakemm dawn ma jkunux inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti nfushom, meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u pprovduti taħt il-kuntratt tal-bejgħ (oġġetti b’elementi diġitali);
  • kwalunkwe mezz fiżiku użat esklussivament biex iżomm kontenut diġitali (eż. CDs, DVDs, eċċ.).

Il-bejjiegħa għandhom jiżguraw li l-oġġetti mwassla lill-konsumatur jikkonformaw mal-kuntratt tal-bejgħ billi:

  • jikkonformaw ma’ dak li ġie miftiehem kuntrattwalment, eż. jaqblu mad-deskrizzjoni, it-tip, il-kwantità, il-kwalità u jkollhom il-karatteristiċi meħtieġa mill-kuntratt, li jkunu tajbin għall-iskopijiet miftiehma eċċ.; u
  • jikkonformaw ma’ kriterji oġġettivi ta’ konformità, jiġifieri
    • ikunu tajbin għall-iskopijiet li għalihom oġġetti simili normalment jintużaw
    • jikkorrispondu għall-kampjun jew il-mudell muri lill-konsumatur
    • jitwasslu bl-aċċessorji, l-istruzzjonijiet u l-imballaġġ li l-konsumatur jista’ jistenna b’mod raġonevoli u
    • ikollhom il-kwalitajiet u l-karatteristiċi li l-konsumatur jista’ jistenna b’mod raġonevoli.

Il-bejjiegħa huma responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jsir evidenti fi żmien sentejn mill-kunsinna. Matul l-ewwel sena, il-konsumatur m’għandux għalfejn jagħti provi li d-difett kien jeżisti meta saret il-kunsinna.

Għal oġġetti b’elementi diġitali:

  • il-bejjiegħa għandhom jinfurmaw u jipprovdu lill-konsumatur bl-aġġornamenti kollha meħtieġa biex iżommhom konformi għat-tul ta’ żmien li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, sakemm l-element diġitali tal-oġġett ma jiġix ipprovdut kontinwament, f’dak il-każ għandhom jiġu pprovduti aġġornamenti matul il-perjodu ta’ provvista;
  • il-bejjiegħa huma responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jsir evidenti fi żmien sentejn mill-kunsinna, sakemm l-element diġitali ma jiġix ipprovdut kontinwament għal perjodu itwal, f’dak il-każ il-bejjiegħ ikun responsabbli għat-tul tal-perjodu tal-provvista kollu.

Jekk l-oġġetti jkunu difettużi (“nuqqas ta’ konformità”), il-konsumaturi għandhom id-dritt għar-rimedji li ġejjin:

  • għażla bejn tiswija u sostituzzjoni tal-oġġetti, mingħajr ħlas, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u mingħajr l-ebda inkonvenjent kbir. Il-bejjiegħ jista’ joffri r-rimedju alternattiv jekk dak li ntgħażel huwa impossibbli jew jinvolvi spejjeż sproporzjonati għall-bejjiegħ;
  • tnaqqis proporzjonat fil-prezz;
  • tmiem il-kuntratt, ħlief jekk id-difett ikun żgħir.

Garanziji kummerċjali:

  • jorbtu lill-garantitaħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija u r-reklamar assoċjat, skont liema jkun l-aktar vantaġġjuż għall-konsumatur;
  • għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem u b’mod li jkunu aċċessibbli għal referenza fil-futur;
  • jinkludu:
    • konferma li l-konsumatur huwa intitolat bil-liġi għal rimedji mill-bejjiegħ għal kwalunkwe difett mingħajr ħlas
    • l-isem u l-indirizz tal-garanti
    • il-proċedura għall-implimentazzjoni, u t-termini tal-garanzija.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu:

  • jeskludu oġġetti użati mibjugħa f’irkant pubbliku u annimali ħajjin mil-leġiżlazzjoni;
  • jirregolaw aspetti tal-liġi ġenerali tal-kuntratti jew id-dritt għal danni fejn dawn mhumiex koperti mid-direttiva;
  • jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti joħroġ fi żmien 30 jum mill-kunsinna, jew iżommu regoli speċifiċi dwar garanziji għal difetti moħbija.

Il-pajjiżi tal-UE:

  • m’għandhomx japplikaw miżuri, inklużi dispożizzjonijiet aktar jew inqas stretti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, differenti minn dawk fid-direttiva;
  • huma permessi japplikaw limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk fid-direttiva;
  • jistgħu jistipulaw li biex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-klijent għandu jinforma lill-bejjiegħ fi żmien xahrejn minn meta jinstab id-difett;
  • jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni;
  • jinfurmaw lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva u kif dawn jistgħu jiġu infurzati;
  • jadottaw u jippubblikaw il-miżuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni sal-1 ta’ Lulju 2021.

Il-Kummissjoni Ewropea tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sat-12 ta’ Ġunju 2024 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.

Tħassir

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 1999/44/KE (id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanziji tal-Konsumatur — CSGD) mill-1 ta’ Jannar 2022.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli mill-1 ta’ Jannar 2022.

SFOND

  • Id-direttiva għandha l-għan li ssib bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u kompetittività akbar tan-negozju, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hija parti mill-istrateġija għal suq uniku diġitali li tipprovdi qafas wiesgħa biex tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tad-dimensjoni diġitali fis-suq intern.
  • Il-leġiżlazzjoni tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2019/770 li tistabbilixxi regoli dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, inkluż kontenut diġitali pprovdut fuq mezz fiżiku (bħal DVDs, CDs, stikek tal-USB u kards tal-memorja).
  • Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kuntratt għall-bejgħ: kuntratt fejn il-bejjiegħ jittrasferixxi s-sjieda tal-oġġetti lil konsumatur inkambju għall-ħlas ta’ prezz.
Oġġetti:
  • kwalunkwe oġġett mobbli fiżiku, inklużi l-ilma, il-gass u l-elettriku meta jinbiegħu f’volum limitat jew fi kwantità stabbilita;
  • kwalunkwe oġġett mobbli fiżiku li jinkorpora jew huwa interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’mod li n-nuqqas ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom (“oġġetti b’elementi diġitali”).
Kontenut diġitali: data prodotta u pprovduta f’forma diġitali.
Servizz diġitali:
  • servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew jaċċessa data f’forma diġitali, jew
  • servizz li jippermetti l-qsim ta’ jew interazzjoni oħra ma’ data f’forma diġitali mtella’ jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 28-50)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 1-27)

Ir-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, pp. 1-11)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1128 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, pp. 12-16)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 10.09.2019

Top