Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Kanada

Il-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Kanada

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-UE

Deċiżjoni (UE) 2019/702 — konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra

Deċiżjoni 2010/417/KE — dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn L-UE u l-Kanada

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim jistabbilixxi d-drittijiet mogħtija minn parti waħda lill-oħra fir-rigward ta’ trasport bl-ajru mil-linji tal-ajru tal-parti l-oħra.
  • Deċiżjoni 2010/417/KE tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-UE.
  • Deċiżjoni (UE) 2019/702 tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jipprovdi skambju ta’ drittijiet tat-traffiku tal-ajru bejn il-partijiet. Permezz ta’ dawk id-drittijiet tat-traffiku, it-trasportaturi tal-ajru tal-partijiet ikunu jistgħu:

  • itiru fit-territorju tal-parti l-oħra mingħajr ma jinżlu l-art;
  • jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-parti l-oħra għal finijiet mhux ta’ traffiku;
  • jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-parti l-oħra fuq rotot speċifikati fil-ftehim għall-finijiet ta’ ġbir u ħatt ta’ traffiku ta’ passiġġieri u merkanzija, inkluż il-posta, b’mod separat jew ikkombinat.

Il-ftehim ikopri wkoll:

  • in-nomina tal-linji tal-ajru;
  • l-awtorizzazzjoni tal-linji tal-ajru u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet li jistgħu jingħataw lilhom;
  • sikurezza fl-avjazzjoni ċivili — inkluż ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati u liċenzji maħruġin minn parti jew oħra għall-għanijiet ta’ forniment ta’ servizzi tal-ajru taħt il-ftehim;
  • sigurtà tal-avjazzjoni ċivili — inkluża ħidma għal rikonoxximent reċiproku tal-istandards tas-sigurtà ta’ xulxin u bi skop għal sigurtà permezz ta’ waqfa waħda;
  • dazji doganali, eżenzjonijiet minn taxxi u tariffi — ftehim reċiproku għall-eżenzjoni tal-linji tal-ajru tal-parti l-oħra mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjoni, it-taxxi fuq il-proprjetà u t-taxxi fuq il-kapital, id-dazji doganali, it-taxxi tas-sisa, u miżati u tariffi simili għal oġġetti użati fit-trasport internazzjonali bl-ajru;
  • nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ tariffi għal ajruporti u faċilitajiet u servizzi tal-avjazzjoni;
  • Qafas kummerċjali mtejjeb — inkluż it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-kapaċità, l-istabbiliment ħieles tat-tariffi mil-linji tal-ajru, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar qsim ta’ kodiċi* u kiri ta’ inġenji tal-ajru fost oħrajn;
  • interessi tal-konsumatur;
  • ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
  • Kompetizzjoni u għajnuna mill-istat.

MINN META JIDĦLU FIS-SEĦĦ IL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim għadu mhuwiex fis-seħħ.
  • Id-Deċiżjoni 2010/417/KE daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Novembru 2009.
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2019/702 daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ April 2019.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Qsim ta’ kodiċi: arranġament fejn żewġ linji tal-ajru jew aktar jikkondividu l-istess titjira, li tkun operata minn waħda mil-linji tal-ajru.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (ĠU L 207, 6.8.2010, pp. 32-59)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/702 tal- 15 ta’ April 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (ĠU L 120, 8.5.2019, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni 2010/417KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (ĠU L 207, 6.8.2010, pp. 30-31)

l-aħħar aġġornament 11.07.2019

Top