Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Punent u l-ilmijiet maġenb

Pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Punent u l-ilmijiet maġenb

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/472 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

F’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-ambjent tal-baħar u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar id-Dritt Marittimu, huwa għandu l-għan li:

  • jimmaniġġja s-sajd fl-Ibħra tal-Punent;
  • jirkrupra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maħsuda ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli (MSY)*; u
  • jevita u jnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa.

Il-flotta tas-sajd tal-UE kkonċernata tinkludi l-aktar bastimenti mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Irlanda, minn Spanja, minn Franza, min-Netherlands, mill-Portugall u mir-Renju Unit (1).

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jintroduċi pjan pluriennali* għall-istokkijiet tal-ħut elenkati hawn taħt, inklużi l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, f’żoni speċifikati tal-Ilmijiet tal-Punent u ilmijiet maġenb:

  • ċinturin iswed (Aphanopus carbo);
  • grenadier imnieħru tond (Coryphaenoides rupestris);
  • spnotta (Dicentrarchus labrax);
  • bakkaljaw (Gadus morhua);
  • megrim (Lepidorhombus spp.);
  • petriċa kbira (Lophiidae);
  • merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus);
  • merlangu (Merlangius merlangus);
  • merluzz (Merluccius merluccius);
  • linarda (Molva dypterygia);
  • skampu (Nephrops norvegicus);
  • paġella ħamra (Pagellus bogaraveo);
  • barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa);
  • pollakkju (Pollachius pollachius);
  • lingwata komuni (Solea solea).

Ir-regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali* li jinqabdu fl-Ilmijiet tal-Punent waqt sajd għall-istokkijiet elenkati hawn fuq.

Il-pjan jikkontribwixxi għal:

  • il-politika komuni tas-sajd (PKS), b’mod partikolari billi japplika approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u jiżgura li l-isfruttar tal-istokkijiet tal-ħut jirkupra u jżomm il-popolazzjonijiet ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli;
  • l-eliminazzjoni tal-ħut mormi billi jevita u jnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa;
  • l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal speċijiet b’limiti ta’ qbid.

Huwa jadotta approċċ ibbażat fuq l-ekosistema* għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar.

Mortalità mis-sajd * fil-mira

Il-mortalità mis-sajd fil-mira, medda li hija stabbilita għal kull speċi u żona koperta mir-regolament, trid tinkiseb mill-aktar fis, u progressivament mill-anqas sal-2020, u tinżamm wara din id-data. Il-meded, ibbażati fuq parir xjentifiku u soġġetti għal reviżjoni mill-Kummissjoni Ewropeasabiex jitqiesu b’mod urġenti ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, jipprovdu flessibbiltà għar-reazzjoni għal sitwazzjonijiet marbuta mas-sajd imħallat u għall-kontribut għall-obbligu ta’ ħatt l-art.

Salvagwardji

L-opportunitajiet tas-sajd huma mfassla biex jiżguraw li jkun hemm probabbiltà ta’ anqas minn 5% li l-istokk riproduttiv jaqa’ taħt il-limitu ta’ referenza, u li l-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi jiġu implimentati meta l-parir xjentifiku jkun li stokk qed jiġi mhedded.

Il-ġestjoni ta’ qabdiet inċidentali

Il-ġestjoni ta’ qabdiet inċidentali inkluż, fejn xieraq, l-opportunitajiet tas-sajd tqis l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, u l-isfidi li jirriżultaw mis-sajd tal-istokkijiet kollha b’MSY fl-istess ħin, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn dan iwassal biex l-awtoritajiet jagħlqu s-sajd kmieni biex jikkonservaw l-istokkijiet.

Miżuri tekniċi

Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta dan ir-regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin:

  • l-ispeċifikazzjonijiet ta’ (jew modifiki fi) rkapti tas-sajd (tagħmir) u regoli r-dwar l-użu tagħhom;
  • il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd f’żoni speċifiċi;
  • il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta’ ċerti tipi ta’ rkaptu tas-sajd matul perjodi ta’ żmien speċifiċi;
  • id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-ħut.

Kull sena l-Kunsill jistabbilixxi l-miżuri tekniċi mfassla għall-kontroll tas-sajd għal-lingwata komuni fil-Kanal tal-Punent.

Dispożizzjonijiet oħrajn

Meta l-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta’ stokk, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi limiti mhux diskriminatorji għas-sajd rikreattiv, ibbażati fuq kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi materji ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

Għal kull żona tal-Ilmijiet tal-Punent, kull pajjiż tal-UE joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li joperaw f’dik iż-żona. Dawn jistgħu jillimitaw ukoll il-kapaċità totali ta’ tali bastimenti li jużaw irkaptu speċifiku. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limiti fuq il-kapaċità totali tal-flotta tal-pajjiż ikkonċernat.

Meta l-istokkijiet jiġu mistada anke minn pajjiżi mhux tal-UE, l-UE tinvolvi ruħha biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tagħhom, u tista’ tiskambja opportunitajiet tas-sajd.

Il-Kummissjoni, li tevalwa l-pjan kull 5 snin, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika r-regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-26 ta’ Marzu 2019.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Rendiment massimu sostenibbli (MSY): l-akbar ammont teoretiku (“rendiment f’ekwilibriju”) li jista’ jittieħed b’mod kontinwu bħala medja minn stokk f’kundizzjonijiet ambjentali medji eżistenti mingħajr ma l-proċess ta’ riproduzzjoni jiġi affettwat b’mod sinifikanti.
Pjan pluriennali: pjan ta’ ġestjoni għas-sajd bl-għan li jiżgura li l-istokkijiet tal-ħut jiġu sfruttati f’limiti bijoloġiċi siguri.
Qabda inċidentali (“qabda aċċessorja” wkoll): speċijiet ta’ ħut u tal-baħar mhux mixtieqa li jinqabdu b’mod mhux intenzjonat.
Approċċ ibbażat fuq l-ekosistema: approċċ integrat għall-ġestjoni tas-sajd li jfittex li jimmaniġġja l-użu tar-riżorsi naturali filwaqt li jippreserva kemm il-ġid bijoloġiku kif ukoll il-proċessi bijoloġiċi meħtieġa biex jiġu mħarsa l-kompożizzjoni, l-istruttura u l-funzjonament tal-ħabitats tal-ekosistema affetwata.
Mortalità mis-sajd: qabdiet matul perjodu partikolari bħala proporzjon tal-istokk medju disponibbli għas-sajd f’dak il-perjodu.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, pp. 1-17)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/472 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, pp. 1-13)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, pp. 1-15)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, pp. 19-40)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.10.2019



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top