Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra tal-UE u mhux tal-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra tal-UE u mhux tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/124 — l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tas-sajd tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) 2018/2058 — l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed

Ir-Regolament (UE) 2018/2025 — l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd għall-2019 u l-2020 tal-UE għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond

Ir-Regolament (UE) 2018/1628 — l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IR-REGOLAMENTI?

Huma jistabbilixxu, għall-2019 (u f’ċerti każijiet għall-2020 ukoll) il-qabdiet totali permissibbli ta’ speċijiet differenti ta’ ħut fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Qabdiet totali permissibbli (TACs)

  • It-TACs jistabbilixxu l-kwantità massima ta’ ħut ta’ speċijiet differenti li jistgħu jinqabdu matul is-sena rispettiva.
  • Il-limiti stabbiliti jsegwu l-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tad-diversi stokkijiet f’konformità mar-rendiment massimu sostenibbli (MSY)*.
  • Dawn huma bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku, inklużi rapporti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.
  • Dawn jiġu deċiżi mill-pajjiżi tal-UE fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea.
  • It-TAC għal kull speċi individwali hija diviża fi kwoti — proporzjonijiet tat-TAC assenjati lill-UE, lill-pajjiżi tal-UE jew lill-pajjiżi mhux tal-UE.

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolamenti japplikaw għal:

  • bastimenti tas-sajd irreġistrati fl-UE;
  • bastimenti tas-sajd mhux tal-UE fl-ilmijiet tal-UE.

Ir-regolamenti jkopru s-sajd fl-ilmijiet tal-UE, kif ukoll f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE (in-Norveġja, Greenland u l-Gżejjer Faroe), b’regolamenti speċifiċi għal:

  • stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond — ħut maqbud f’ilmijiet lil hinn mill-post għas-sajd tal-blat kontinentali;
  • il-limitu u l-kwoti ta’ qbid (kondiviżi bejn il-Bulgarija u r-Rumanija) għal-laċċ ikħal u għall-barbun imperjali maqbud fil-Baħar l-Iswed;
  • 10 stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar Baltiku.

Obbligu ta’ ħatt l-art

Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-flotot tas-sajd kollha tal-UE jridu jaderixxu mal-obbligu ta’ ħatt l-art:

  • il-qabdiet kollha tal-ispeċijiet kummerċjali rregolati li jittellgħu abbord (inklużi qabdiet inċidentali*) għandhom jiġu żbarkati u magħduda mal-kwoti rispettivi ta’ kull pajjiż tal-UE;
  • l-obbligu jtemm il-prattika tal-iskartar.

Speċijiet protetti

Huwa pprojbit li tistad għal, jew li żżomm abbord jekk jinqabdu aċċidentalment, numru ta’ speċijiet inkluż il-kelb il-baħar l-abjad u l-gabdoll.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) 2019/124 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019. Ir-regoli dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni taż-Żona tal-Konvenzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku ilhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2018 u l-limiti tal-isforz tas-sajd ilhom japplikaw mill-1 ta’Frar 2019.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/2058 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/2025 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/1628 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019. Ir-regoli dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja f’żoni speċifiċi japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2018 sal-31 ta’ Ottubru 2019. Ir-regoli għall-inċova mistada f’żoni speċifiċi japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Rendiment massimu sostenibbli (MSY): l-akbar rendiment (qabda) li jista’ jittieħed mill-istokk ta’ speċi fuq perjodu indefinit, jiġifieri mingħajr ma tiġi pperikolata s-sopravivenza tagħha.
Qabda inċidentali: ħut u speċijiet tal-baħar mhux mixtieqa maqbuda b’mod mhux intenzjonali.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.1.2019, pp. 1-166)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/124 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2058 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed (ĠU L 329, 27.12.2018, pp. 8-12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, pp. 7-17)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1628 tat-30 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/120 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L 272, 31.10.2018, pp. 1-10)

DOKUMENT RELATAT

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, pp. 1-168)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.08.2019

Top