Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku

Kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2017/2196 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk tal-elettriku* bil-għan li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tas-sistema tal-elettriku, u jiġu evitati inċidenti minn propagazzjoni jew deterjorament.
  • Dan għandu l-għan li jiġi evitat disturb estensiv u l-istat ta’ blekawt*, kif ukoll biex ikun jista’ jsir ir-restawr* effiċjenti u rapidu tas-sistema tal-elettriku mill-istati ta’ emerġenza* jew ta’ blekawt.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk tal-elettriku li jistipula r-rekwiżiti dwar:

  • il-ġestjoni mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) tal-istati ta’ emerġenza, ta’ blekawt u ta’ restawr;
  • il-koordinazzjoni tat-tħaddim tas-sistema madwar l-UE fi stati ta’ emerġenza, ta’ blekawt u ta’ restawr;
  • it-testijiet, l-għodod u l-faċilitajiet biex jiggarantixxu restawr affidabbli, effiċjenti u mgħaġġel.

Ir-regolament jikkonċerna b’mod partikolari:

  • it-TSOs;
  • il-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà (RSCs);
  • l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSOs);
  • l-utenti sinifikanti tal-grilja (SGUs);
  • il-fornituri ta’ servizz ta’ difiża;
  • il-fornituri tas-servizz ta’ restawr;
  • il-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;
  • il-fornituri ta’ servizzi ta’ bbilanċjar*;
  • l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (NEMO); u
  • entitajiet oħra nnominati biex iwettqu funzjonijiet tas-suq tal-elettriku.

Ir-regolament ikopri proċeduri għal:

  • konsultazzjoni u koordinazzjoni ta’ TSOs ma’ partijiet oħra;
  • koordinazzjoni reġjonali tal-pjanijiet ta’ difiża u ta’ restawr tas-sistema;
  • konsultazzjoni pubblika;
  • irkupru tal-ispejjeż;
  • obbligi ta’ kunfidenzjalità.

Pjanijiet ta’ difiża u ta’ restawr tas-sistema

Kull TSO għandu jfassal pjan ta’ difiża tas-sistema u pjan ta’ restawr, f’konsultazzjoni mad-DSOs, l-SGUs, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, u oħrajn. Il-pjanijiet jinkludu, pereżempju:

  • il-limiti ta’ sigurtà operazzjonali;
  • il-ħtiġijiet tal-utenti tal-grilja sinifikanti ta’ prijorità għolja u t-termini u l-kundizzjonijiet għall-iskonnessjoni u l-enerġija mill-ġdid tagħhom;
  • il-kundizzjonijiet li skonthom il-pjanijiet huma attivati;
  • l-istruzzjonijiet li għandhom jinħarġu mit-TSO skont il-pjanijiet;
  • il-miżuri soġġetti għal konsultazzjoni jew koordinazzjoni f’ħin reali;
  • il-miżuri li għandhom jiġu implimentati mit-TSO u d-DSOs u l-SGUs;
  • il-lista tas-substazzjonijiet li huma essenzjali għall-proċeduri tal-pjan ta’ restawr tiegħu;
  • in-numru ta’ sorsi ta’ enerġija fiż-żona ta’ kontroll tat-TSO li huma neċessarji sabiex tiġi rienerġizzata s-sistema tiegħu;
  • il-miżuri tekniċi u organizzattivi bħal:
    • skemi ta’ protezzjoni tas-sistema;
    • ġestjoni ta’ devjazzjonijiet tal-frekwenza;
    • ġestjoni ta’ devjazzjonijiet tal-vultaġġ;
    • ġestjoni tal-fluss tal-enerġija;
    • proċedura ta’ rienerġizzazzjoni;
    • proċedura għar-risinkronizzazzjoni;
    • skonnessjoni manwali tad-domanda u rienerġizzazzjoni;
  • skadenzi għall-implimentazzjoni għal kull miżura elenkata.

Regoli speċifiċi japplikaw fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ difiża u ta’ restawr tas-sistema.

Kull TSO jeħtieġ li jkollu l-għodod ta’ komunikazzjoni xierqa u biex perjodikament jivvaluta u jittestja l-funzjonament xieraq tat-tagħmir u l-kapaċitajiet kollha involuti fil-pjan ta’ difiża tas-sistema u l-pjan ta’ restawr tas-sistema.

Attivitajiet tas-suq

Soġġett għall-istess kundizzjonijiet, TSO jista’ jissospendi temporanjament l-attivitajiet tas-suq meta:

  • is-sistema tat-trażmissjoni tkun fi stat ta’ blekawt, jew il-kontinwazzjoni tnaqqas b’mod sinifikanti l-effettività tal-proċess ta’ restawr għall-istat normali jew ta’ twissija; jew
  • meta l-mezzi biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-suq ma jkunux disponibbli.

Monitoraġġ

L-implimentazzjoni tar-regolament hija ssorveljata mill-ENTSO tal-Elettriku.

Leġiżlazzjoni anċillari

Dan ir-regolament jissupplimenta u huwa parti integrali mir-Regolament (KE) Nru 714/2009 dwar skambji transfruntieri fl-elettriku. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 714/2009 f’atti legali oħra għandhom jinftiehmu bħala li qed jirreferu wkoll għal dan ir-regolament.

Ir-regolament huwa wkoll anċillari għar-Regolament (UE) 2017/1485: linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-18 ta’ Diċembru 2017.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Kodiċi tan-netwerk tal-elettriku: regoli u proċeduri vinkolanti relatati, pereżempju, ma’:
  • sigurtà u affidabbiltà tan-netwerk;
  • skambji tad-data;
  • allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni;
  • kummerċ relatat mas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk u l-ibbilanċjar tas-sistema;
  • trasparenza;
  • strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni;
  • effiċjenza fl-enerġija fir-rigward tan-netwerks tal-elettriku.
Stat ta’ blekawt: l-istat tas-sistema tal-elettriku fejn it-tħaddim ta’ parti jew tas-sistema kollha tat-trażmissjoni jiġi tterminat.
Stat ta’ restawr: l-istat tas-sistema fejn l-għan tal-attivitajiet kollha fis-sistema ta’ trażmissjoni huwa li jerġa’ jiġi stabbilit it-tħaddim tas-sistema u li tinżamm is-sigurtà operazzjonali wara l-istat ta’ blekawt jew l-istat ta’ emerġenza.
Stat ta’ emerġenza: l-istat tas-sistema tal-elettriku fejn wieħed jew aktar mill-limiti tas-sigurtà operazzjonali jinkisru.
Fornitur ta’ servizzi ta’ bbilanċjar: parteċipant fis-suq tal-elettriku li jkun kapaċi jipprovdi riżervi ta’ bbilanċjar tal-elettriku lil operaturi tas-servizzi ta’ trażmissjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2196 tal-24 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku (ĠU L 312, 28.11.2017, pp. 54-85)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/2196 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, pp. 1-120)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631tal-14 ta’ April 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja (ĠU L 112, 27.4.2016, pp. 1-68)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 tas-17 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Konnessjoni tad-Domanda (ĠU L 223, 18.8.2016, pp. 10-54)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1447 tas-26 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja ta’ sistemi ta’ kurrent dirett b’vultaġġ għoli u ta’ moduli ta’ parks tal-enerġija konnessi b’kurrent dirett (ĠU L 241, 8.9.2016, pp. 1-65)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, pp. 42-68)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, pp. 24-72)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, pp. 1-12)

Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 55–93)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 15-35)

l-aħħar aġġornament 24.05.2019

Top