Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fondazzjoni Ewropea għall-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol

Fondazzjoni Ewropea għall-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/127 li jistabilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

PUNTI EWLENIN

Objettiv

Bħala waħda mill-aġenziji deċentralizzati tal-UE, l-għan tal-Eurofound huwa li tappoġġa lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra tal-UE, lill-pajjiżi tal-UE u lis-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’politiki li jikkonċernaw:

  • it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol;
  • it-tfassil ta’ politiki dwar l-impjiegi; u
  • il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-maniġment u l-forzi tax-xogħol.

Din tipprova tilħaq dan l-għan billi:

  • ittejjebb u xxerred l-għarfien;
  • tipprovdi evidenza u servizzi għall-iskop tat-tfassil ta’ politika, inklużi konklużjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka; u
  • tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-partijiet interessati fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.

Kompiti

Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE stess, il-Eurofound:

  • tanalizza l-iżviluppi u tipprovdi analiżi komparattiva tal-politiki u l-prattiki fil-pajjiżi tal-UE u, fejn rilevanti, f’pajjiżi oħra;
  • tiġbor data u tanalizza x-xejriet fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, l-iżviluppi tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol;
  • tanalizza l-iżviluppi fis-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali, b’mod partikolari d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;
  • tistudja u tiriċerka l-iżviluppi soċjoekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet ta’ politika relatati;
  • twettaq proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji, fejn mitluba tagħmel hekk mill-Kummissjoni;
  • tipprovdi fora għall-iskambju ta’esperjenzi u informazzjoni bejn partijiet interessati fil-livell nazzjonali;
  • timmaniġġja u tagħmel disponibbli għodod u settijiet ta’ data lil dawk li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali, il-korpi akkademiċi u partijiet interessati oħra;
  • tistabbilixxi strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet li għalihom hija responsabbli.

Organizzazzjoni

Il-Eurofound, li hija bbażata f’Dublin, l-Irlanda, għandha bord ta’ tmexxija, bord eżekuttiv u direttur eżekuttiv.

Il-Bord tat-Tmexxija

Jinkludi:

  • rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE;
  • rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi għal kull pajjiż tal-UE;
  • rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati għal kull pajjiż tal-UE;
  • tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni;
  • espert indipendenti maħtur mill-Parlament Ewropew.

Il-funzjonijiet ewlenin tal-bord huma li:

  • jipprovdi d-direzzjoni strateġika tal-Eurofound;
  • jadotta d-dokument ta’ programmazzjoni tal-Eurofound;
  • jadotta l-baġit tal-Eurofound;
  • jadotta regoli ta’ proċedura (inklużi dawk tal-Bord Eżekuttiv), regoli finanzjarji, regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u strateġija kontra l-frodi;
  • jaħtar id-Direttur Eżekuttiv.

Il-Bord jeleġġi, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, president u tliet viċi presidenti li jirrappreżentaw l-interessi varji. Il-mandat tagħhom huwa ta’ sena u jista’ jerġa’ jiġġedded.

Jista’ jistabbilixxi kumitati konsultattivi skont l-oqsma ta’ prijorità tal-politika deskritti fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-Eurofound.

Il-Bord Eżekuttiv

Il-bord eżekuttiv jassisti lill-bord ta’ tmexxija billi:

  • iħejji d-deċiżjonijiet tiegħu;
  • josserva, flimkien mal-bord ta’ tmexxija, kwalunkwe segwitu għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn rapporti tal-awditjar intern jew estern, u investigazzjonijiet tal-OLAF;
  • jagħti pariri lid-direttur eżekuttiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord ta’ tmexxija, sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja.

Id-direttur eżekuttiv

Id-direttur eżekuttiv huwa responsabbli għal:

  • Il-ġestjoni tal-Eurofound u l-implimentazzjoni tal-kompiti u l-baġit tal-Eurofound;
  • it-tfassil ta’ abbozz ta’ dokument ta’ programmazzjoni li fih programm ta’ ħidma pluriennali u annwali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1271/2013 dwar ir-regoli finanzjarji adottati mill-aġenziji u l-korpi tal-UE.

Programmi ta’ ħidma

L-abbozz tad-dokument ta’ programmazzjoni jiġi sottomess lill-bord ta’ tmexxija għall-approvazzjoni tiegħu u mbagħad jiġi sottomess lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel il-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

  • Il-programm ta’ ħidma pluriennali jistabbilixxi:
    • il-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-għanijiet;
    • ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni;
    • il-programmazzjoni tar-riżorsi inkluż il-baġit pluriennali u tal-persunal.
  • Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali u jinkludi:
    • għanijiet iddettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni;
    • deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, inklużi miżuri ppjanati biex tiżdied l-effiċjenza;
    • indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni;
    • azzjonijiet possibbli għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Iż-żewġ programmi għandhom jevitaw id-duplikazzjonijiet tax-xogħol imwettaq minn aġenziji oħra tal-UE. Il-Eurofound tikkoordina mill-qrib ma’  żewġ aġenziji tripartitiċi oħra: l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop).

Baġit

L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għall-Eurofound għandhom jitħejjew kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fil-baġit tal-Eurofound. Il-baġit għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u nfiq.

  • In-naħa tad-dħul tiegħu tinkludi:
    • kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-UE;
    • kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji minn pajjiżi tal-UE;
    • tariffi għal pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Eurofound;
    • kwalunkwe kontribuzzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE involuti fix-xogħol tal-Eurofound.
  • In-naħa tal-infiq tiegħu tinkludi:
    • remunerazzjoni tal-persunal;
    • spejjeż amministrattivi u infrastrutturali;
    • infiq operattiv.

Valutazzjoni

Sal-21 ta’ Frar 2024, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tiżgura li titwettaq valutazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Eurofound fir-rigward tal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tagħha.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-20 ta’ Frar 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 74-89)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 58-73)

Ir-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, pp. 90-105)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, pp. 42-68)

l-aħħar aġġornament 04.04.2019

Top