EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-UE u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-oriġini simili

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-UE u n-Norveġja dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-oriġini simili

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-UE u n-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni tal-oriġini bejn l-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM?

Dan għandu l-għan li jżid l-effettività tas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi u b’hekk jiffaċilita l-kummerċ ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jiżgura li l-Unjoni Ewropea (UE) u n-Norveġja japplikaw regoli tal-oriġini simili għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija mill-UE, mill-Iżvizzera, min-Norveġja u mit-Turkija.

PUNTI EWLENIN

Sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SĠP)

  • Is-SĠP hija sistema ta’ preferenzi tariffarji mogħtija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (“pajjiżi benefiċjarji”). Għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, id-dazju jitneħħa virtwalment għall-esportazzjonijiet kollha tagħhom.
  • L-UE u n-Norveġja (flimkien mal-Iżvizzera u mat-Turkija) għandhom sistemi tas-SĠP simili ħafna u għalhekk jistgħu jkunu marbuta.

Regoli tal-oriġini

  • Sabiex jibbenefikaw minn preferenzi tariffarji, il-prodotti jridu jintwerew li joriġinaw minn pajjiż benefiċjarju.
  • L-oriġini tirreferi għal fejn prodott jiġi prodott jew immanifatturat, u mhux minn fejn jiġi kkonsenjat.

Akkumulazzjoni

L-“Akkumulazzjoni” tiddeskrivi s-sistema li tippermetti li l-prodotti li joriġinaw fil-pajjiż A jiġu pproċessati aktar jew miżjuda ma’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż B, bħallikieku kienu oriġinaw fil-pajjiż B. Il-prodott li jirriżulta jkollu oriġini tal-pajjiż B. Dan jista’ jiġi applikat biss bejn pajjiżi li joperaw b’regoli tal-oriġini identiċi.

Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja

  • Skont l-“akkumulazzjoni estiża” tas-SĠP tal-UE, il-materjali li joriġinaw min-Norveġja, mill-Iżvizzera jew mit-Turkija li jgħaddu minn operazzjoni aktar minn minima f’pajjiż benefiċjarju jitqiesu li joriġinaw f’dak il-pajjiż benefiċjarju, u jistgħu jibbenefikaw minn preferenzi meta jiġu importati lejn l-UE, in-Norveġja, l-Iżvizzera jew it-Turkija.
  • Dan il-ftehim jirrikjedi li l-UE u n-Norveġja jkollhom regoli tal-oriġini simili li jkopru l-prinċipji li ġejjin:
    • definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” bbażata fuq l-istess kriterji;
    • regoli għall-akkumulazzjoni reġjonali* tal-oriġini;
    • ir-regoli għall-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni għal materjali li joriġinaw, skont it-tifsira tar-regoli tal-oriġini tas-SĠP tagħhom, fl-UE, fl-Iżvizzera, fin-Norveġja jew fit-Turkija;
    • regoli għal tolleranza ġenerali ta’ materjali mhux oriġinarji;
    • regoli għan-nonalterazzjoni ta’ prodotti mill-pajjiż benefiċjarju;
    • regoli għall-ħruġ jew biex isiru provi tal-oriġini ta’ sostituzzjoni tal-oriġini;
    • rekwiżit għall-kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet fil-pajjiżi benefiċjarji dwar il-kwistjoni tal-provi tal-oriġini.
  • Dan il-ftehim jissostitwixxi ftehim reċiproku simili bejn il-Komunità Ewropea u kull wieħed mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li taw preferenzi tariffarji skont is-SĠP, għal oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja jew fl-Iżvizzera.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-Akkumulazzjoni reġjonali. Il-ħidma bejn il-pajjiżi ta’ wieħed mill-gruppi reġjonali ta’ pajjiżi benefiċjarji rikonoxxuti mis-SĠP tal-UE fejn il-materjali li joriġinaw f’pajjiż wieħed tal-grupp li huma maħduma jew ipproċessati ulterjorment f’pajjiż benefiċjarju ieħor tal-istess grupp jitqiesu li joriġinaw fil-pajjiż tal-aħħar. L-akkumulazzjoni hija possibbli wkoll bejn il-pajjiżi individwali tal-gruppi ta’ akkumulazzjoni I III, fuq talba u taħt ċerti kundizzjonijiet.

DOKUMENT EWLIENI

Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (ĠU L 24, 28.1.2019, pp. 3-11)

DOKUMENT RELATAT

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (ĠU L 27, 31.1.2019, p. 1)

l-aħħar aġġornament 09.11.2021

Top