EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore

Deċiżjoni (UE) 2018/1676 dwar l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONI?

Il-Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment (IPA) bejn l-UE u Singapore se jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-investiment, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-UE u ta’ Singapore biex jirregolaw u jsegwu għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika, bħall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent tal-pubbliku.

Id-deċiżjoni timmarka l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-ftehim ta’ protezzjoni tal-investiment (IPA) ma’ Singapore.

PUNTI EWLENIN

L-IPA jinkludi l-innovazzjonijiet kollha tal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmi ta’ infurzar tiegħu li mhumiex preżenti fit-12-il trattat ta’ investiment bilaterali eżistenti bejn Singapore u l-pajjiżi tal-UE. Karatteristika importanti ħafna tal-IPA hija li jissostitwixxi u jtejjeb it-12-il trattat ta’ investiment bilaterali eżistenti. L-IPA ġie nnegozjat fl-istess ħin bħala ftehim ta’ kummerċ ħieles.

F’konformità mal-għanijiet stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni Ewropea żgurat li l-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom f’Singapore se jingħataw trattament ġust u ekwu u mhux se jiġu diskriminati meta mqabbla ma’ investimenti ta’ Singapore li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili.

Fl-istess ħin, l-IPA jipproteġi lill-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom f’Singapore minn esproprjazzjoni*, sakemm ma jkunx:

  • għal skopijiet pubbliċi;
  • skont il-proċess korrett tal-liġi;
  • fuq bażi mhux diskriminatorja; u
  • inkambju għal ħlas ta’ kumpens fil-pront, adegwat u effettiv skont valur ġust tas-suq tal-investiment esproprjat.

L-IPA jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment modern u riformat. Dan jiżgura li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-investiment huma mħarsa, u jimmira li jsib bilanċ bejn il-protezzjoni tal-investituri b’mod trasparenti u s-salvagwardja tad-dritt ta’ Stat li jirregola sabiex isegwi għanijiet ta’ politika pubblika. Is-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim permanenti internazzjonali u kompletament indipendenti, li tikkonsisti minn Tribunali tal-Ewwel Istanza u tal-Appell permanenti se tmexxi proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim b’mod trasparenti u imparzjali.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim ġie ffirmat fid-19 ta’ Ottubru 2018 u jeħtieġ li jiġi ratifikat mill-pajjiżi kollha tal-UE qabel ma jidħol fis-seħħ.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Esproprjazzjoni: in-nazzjonalizzazzjoni ta’ investiment permezz ta’ trasferiment formali ta’ titlu jew sekwestru dirett.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1676 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra (ĠU L 279, 9.11.2018, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE ma’ Singapore

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1599 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 267, 25.10.2018, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 07.02.2019

Top