Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regolament li jimplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx

Regolament li jimplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2017/1563 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-regoli għal kif ix-xogħlijiet jew materjal ieħor* f’kopji f’formati aċċessibbli* huma kondiviżi bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE li huma parti mit-Trattat ta’ Marrakexx, għall-benefiċċju ta’ persuni li huma għomja, neqsin mid-dawl jew inkella għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, u mingħajr ma jkollhom bżonn permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

PUNTI EWLENIN

It-Trattat ta’ Marrakexx

It-Trattat ta’ Marrakexx jirrikjedi li l-pajjiżi li jiffirmawh jadottaw liġijiet nazzjonali li jinkoraġġixxu li l-kotba jiġu prodotti f’formati aċċessibbli bħal braille, test elettroniku, awdjo jew tipa kbira, immirati lejn nies li huma għomja, neqsin mid-dawl jew inkella għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Dawn il-liġijiet għandhom ukoll jagħmluha eħfef biex dawn l-oġġetti jinqasmu bejn il-fruntieri nazzjonali mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. It-trattat ġie ffirmat fl-2013 u ġie ratifikat mill-UE fl-1 ta’ Ottubru 2018. L-UE saret parti mit-trattat fl-1 ta’ Jannar 2019.

Dan ir-regolament

Entità awtorizzata* tal-pajjiż tal-UE hija permessa li tagħmel disponibbli għal persuni benefiċjarji*, jew għal kwalunkwe entità awtorizzata f’pajjiżi mhux tal-UE li huma parti mit-trattat, verżjonijiet aċċessibbli ta’ kotba jew materjal bil-miktub ieħor permess mid-Direttiva (UE) 2017/1564, id-direttiva li timplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE, u dawn l-oġġetti jistgħu jkunu importati u użati minn tali persuni jew entitajiet.

Entità awtorizzata trid:

  • tiskoraġġixxi riproduzzjoni u distribuzzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku ta’ kopji ta’ format aċċessibbli;
  • iżżomm rekords tal-immaniġġjar tax-xogħlijiet tagħha u kopji f’format aċċessibbli;
  • tippubblika informazzjoni dwar kif tikkonforma ma’ dawn l-obbligi;
  • issegwi r-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali ta’ persuni benefiċjarji;
  • tipprovdi l-informazzjoni li ġejja b’mod aċċessibbli, fuq talba, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet tal-awtur
    • il-lista ta’ xogħlijiet li għalihom għandha kopji ta’ format aċċessibbli u l-formati disponibbli, u
    • dettalji tal-kuntatt tal-entitajiet awtorizzati involuti fl-iskambju ta’ kopji b’format aċċessibbli.

Reviżjoni

Sal-11 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa l-operat tar-regolamenti u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bi proposti biex jiġi emendat ir-regolament, fejn xieraq.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament ilu japplika mit-12 ta’ Ottubru 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Xogħol jew materjal ieħor: ktieb, ġurnal, gazzetta, rivista jew tip ieħor ta’ kitba, notazzjoni, inklużi mużika fuq il-karta, u illustrazzjonijiet relatati, fi kwalunkwe midja, inkluż f’forma ta’ awdjo bħalma huma kotba tal-awdjo u f’format diġitali, li huwa protett minn drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati u li huwa ppubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku.
Kopja f’format aċċessibbli: kopja ta’ xogħol f’forma li tagħti lil persuna benefiċjarja aċċess bl-iktar mod fattibbli u komdu bħala persuna mingħajr l-ebda indeboliment jew diżabilità koperta minn din ir-regolament.
Entità awtorizzata: entità awtorizzata jew rikonoxxuta minn pajjiż biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ, qari adattat jew aċċess għall-informazzjoni lil persuni benefiċjarji fuq bażi bla skop ta’ profitt.
Persuna benefiċjarja: persuna li hija għamja, għandha indeboliment tal-vista, jew diżabilità perċettwali jew tal-qari u ma tistax taqra xogħlijiet stampati bl-istess mod bħal persuna mingħajr indeboliment bħal dan, jew ma tistax iżżomm jew timmanipula ktieb jew li tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha sal-punt normalment aċċettabbli għall-qari.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1-5).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 tal-15 ta’ Frar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 1-2).

It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 3-11).

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6-13).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1-2).

l-aħħar aġġornament 21.03.2019

Top