Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Restrizzjonijiet speċifiċi dwar relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

Restrizzjonijiet speċifiċi dwar relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

 

SOMMARJU TA’:

Pożizzjoni komuni 2003/495/PESK fuq l-Iraq

Ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

X’INHUMA L-GĦANIJIET TAL-POŻIZZJONI KOMUNI U TAR-REGOLAMENT?

Il-pożizzjoni komuni u r-regolament jissettjaw miżuri restrittivi konformi mar-Riżoluzzjoni1483 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) u d-deċiżjonijiet kollha sussegwenti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) b’rispons għas-sitwazzjoni fl-Iraq.

PUNTI EWLENIN

Il-qligħ kollu mill-bejgħ tal-esportazzjoni tal-petroleum, prodotti tal-petroleum u gass naturali mill-Iraq irid ikun depożitat fil-Fond għall-Iżvilupp għall-Iraq taħt kundizzjonijiet mniżżla fir-Riżoluzzjoni 1483 (2003) KSNU

Artifatti kulturali Iraqini

L-importazzjoni, esportazzjoni u negozjar fil-propjetà kulturali tal-Iraq u oġġetti oħra ta’ importanza arkeoloġika, storika, kulturali, xjentifika u ta’ importanza reliġjuża rari huma pprojbiti jekk l-oġġetti tneħħew illegalment (inklużi oġġetti elenkati fl-Anness II tar-regolament). B’mod partikolari, jekk:

  • l-oġġetti huma integrali għal kollezzjonijiet pubbliċi elenkati fl-inventarji ta’ mużewijiet, arkivi, kollezzjonijiet ta’ konservazzjoni f’libreriji jew istituzzjonijiet reliġjużi Iraqqin; jew
  • hemm suspett raġunevoli li l-oġġetti tneħħew mill-Iraq mingħajr il-kunsens tas-sid leġittimu tagħhom jew bi ksur tal-liġi tal-Iraq.

Dawn il-projbizzjonijiet ma japplikawx jekk l-oġġetti kienu esportati qabel is-6 ta’ Awwissu 1990 jew jekk qed ikunu mogħtija lura lil istituzzjonijiet Iraqqin konformi mal-objettivi ta’ ritorn sikur f’Riżoluzzjoni 1483 (2003) KSNU.

Il-passi xierqa kollha ser jittieħdu għar-ritorn sikur ta’ tali oġġetti għal istituzzjonijiet Iraqqin.

Riżorsi ekonomiċi ffriżati

  • Il-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha tal-gvern ta’ qabel tal-Iraq ħa jkunu ffriżati jekk jinsabu barra l-Iraq fit-22 ta’ Mejju 2003. Dawn jinkludu korpi pubbliċi, stabbiliti taħt liġi privata, jew aġenziji tal-gvern identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u elenkati f’Anness III għar-regolament.
  • Il-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma posseduti jew miżmuma mill-President ta’ qabel Saddam Hussein, l-uffiċjali anzjani tiegħu, l-familja immedjata tiegħu jew individwi, korpi jew entitajiet posseduti jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn l-individwi huma ffriżati wkoll.
  • Ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi mhuma ser ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ individwi, korpi jew entitajiet identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u elenkati f’Anness IV għar-regolament

Eżenzjonijiet

L-Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jawtorizzaw li ċerti fondi jkunu rilaxxati, inklużi għal:

  • bżonnijiet bażiċi, inklużi ikel, kera jew pagamenti ipotekarji, għall-mediċini u trattamenti mediċi, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet tal-utilità pubblika;
  • tariffi u spejjeż professjonali raġonevoli mġarrba għas-servizzi legali;
  • tariffi jew imposti għaż-żamma ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew
  • ċerti spejjeż oħra straordinarji.

Prodotti tal-petroleum

Il-petroleum, prodott tal-petroleum u gass naturali li joriġinaw fl-Iraq mhux ser ikunu suġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji, u lanqas għal kwalunkwe forma ta’ sekwestru ta’ beni*, sekwestru* jew eżekuzzjoni*, sakemm is-sjieda tgħaddi għand xerrejj.

Privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk tan-Nazzjonijiet Uniti ser japplikaw għal:

  • qligħ u obbligi li jirriżultaw mill-bejgħ tal-prodotti tal-petroleum;
  • il-Fond għall-Iżvilupp għall-Iraq;
  • fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra li jridu jiġu trasferiti mir-reġim ta’ Saddam Hussein għall-Fond għall-Iżvilupp għall-Iraq.

Embargo fuq l-armi

Il-bejgħ, il-provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat (inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir u partijiet paramilitari) lil Iraq minn ċittadin tal-UE huma pprojbiti.

L-embargo ma japplikax għal armi meħtieġa mill-gvern tal-Iraq jew mill-forza multinazzjonali stabbilita taħt Riżoluzzjoni 1511 (2003) KSNU fejn ikun awtorizzat minn Stati Membri.

Eżenzjonijiet umanitarji

Konformi mar-Riżoluzzjoni 2664 (2022), Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/331 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/338 jintroduċu fil-liġi tal-UE eżenzjoni għas-sanzjonijiet fil-forma ta’ ffriżar tal-assi għall-assistenza umanitarja u attivitajiet oħra li jappoġġjaw bżonnijiet bażiċi umani, applikabbli għal ċerti atturi.

MINN META BDEW JAPPLIKAW IL-POŻIZZJONI KOMUNI U R-REGOLAMENT?

  • Il-pożizzjoni komuni 2003/495/PESK ilha tapplika mit-22 ta’ Mejju 2003.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 ilu japplika mit-23 ta’ Mejjur 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sekwestru ta’ beni. Meta kumpanija tkun ordnata minn qorti biex tħallas xi flus, il-pretensjoni tkun infurzata kontra l-assi tad-debitur. Dan l-ammont hu riferut bħala sekwestru ta’ beni.
Sekwestru. Fejn kreditur jkun konxju ta’ dejn dovut minn parti terza lid-debitur, tista’ ssir applikazzjoni lil qorti biex issir ordni li tirreġieġi lil parti terza biex tħallas ċertu ammont direttament lill-kreditur. Il-Qorti għandha diskrezzjoni biex tiddeċiedi jekk tagħtix l-ordni jew le.
Eżekuzzjoni. L-infurzar tad-drittijiet ta’ kreditur permezz tas-sekwestru tal-beni ta’ debitur.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/495/PESK tas-7 ta’ Lulju 2003 fuq l-Iraq u li tħassar Pożizzjonijiet Komuni 96/741/PESK u 2002/599/PESK (ĠU L 169, 8.7.2003, pp. 72–73).

Emendi suċċessivi għal Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (ĠU L 169, 8.7.2003, pp. 6–23).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 1 — Dispożizzjonijiet komuni — l-Artikolu (29 (ex Artikolu 15 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 33).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Il-Ħames Parti — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Miżuri restrittivi — l-Artikolu (215 (ex Artikolu 301 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

l-aħħar aġġornament 15.03.2023

Top