Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u r-Renju tan-Norveġja dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)

Ftehim bejn l-UE u r-Renju tan-Norveġja dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT

Deċiżjoni (UE) 2017/2381 — l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT

Deċiżjoni (UE) 2018/1089 — il-konklużjoni, f’isem l-UE, tal-Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim jistabbilixxi kooperazzjoni amministrattiva bejn l-UE u n-Norveġja biex:
    • jiżgura konformità mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fiż-2 ġurisdizzjonijiet tagħhom;
    • jipproteġi d-dħul mill-VAT ta’ kull firmatarju.
  • Id-Deciżjoni (UE) 2017/2381 timmarka l-iffirmar u d-Deċiżjoni (UE) 2018/1089 tagħti l-approvazzjoni formali tal-UE għall-ftehim.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jipprevedi:

  • il-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex jgħin fil-valutazzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-VAT, u biex tiġi indirizzata l-frodi;
  • l-irkupru tat-talbiet tal-VAT, inklużi kwalunkwe penali amministrattivi, multi, tariffi, ħlasijiet addizzjonali, interessi u spejjeż marbuta mat-talbiet.

Il-pajjiżi tal-UE u n-Norveġja:

  • jistabilixxu:
    • awtorità responsabbli għall-applikazzjoni tal-ftehim;
    • 2 uffiċċji ċentrali ta’ kollegament: wieħed għall-kooperazzjoni amministrattiva, l-ieħor biex jgħin fl-irkupru tad-dħul mill-VAT;
  • jittrattaw l-informazzjoni li jirċievu bħala kunfidenzjali, iżda jistgħu:
    • jiżvelawha lill-individwi u lill-awtoritajiet li japplikaw il-liġijiet tal-VAT;
    • jużawha biex jivvalutaw u jinforzaw, inklużi miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni ta’ taxxi oħra u kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, u japplikaw sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali;
  • jaċċettaw uffiċjali oħra fil-bini tagħhom għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jattendu għall-inkjesti amministrattivi bħala osservaturi;
  • jaqblu li jwettqu kontrolli simultanji meta dawn jitqiesu aktar effettivi minn dawk individwali;
  • jipprovdu lill-Kumitat Konġunt (ara hawn taħt għal aktar dettalji dwar il-Kumitat) data ta’ statistika annwali sat-30 ta’ Ġunju.

Il-pajjiżi jipprovdu informazzjoni, billi jużaw formola standard u jistgħu jitolbu feedback:

  • fuq talba minn awtorità oħra, normalment fi żmien 3 xhur, iżda xahar jekk diġà għandhom dan;
  • spontanjament fejn:
    • l-informazzjoni li għandhom hija essenzjali biex ieħor japplika s-sistema tat-taxxa tiegħu b’mod effettiv;
    • dawn jemmnu li l-frodi tal-VAT seħħet, jew x’aktarx isseħħ, f’pajjiż ieħor;
    • hemm riskju ta’ telf ta’ taxxa fil-pajjiż l-ieħor;
  • awtomatikament għall-kategoriji determinati mill-Kumitat Konġunt.

Il-pajjiżi jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni jekk dan iwassal għal:

  • obbligi ġodda fuq persuni responsabbli għall-VAT;
  • piżijiet sproporzjonati fuq l-amministrazzjoni tagħhom;
  • l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew imur kontra l-ordni pubbliku; jew
  • l-awtorità rikjedenti ma tkunx eżawriet is-sorsi tal-informazzjoni tas-soltu tagħha.

Il-pajjiżi jgħinu lil xulxin biex jirkupraw it-talbiet tal-VAT billi:

  • jipprovdu l-informazzjoni rilevanti;
  • iwettqu l-inkjesti amministrattivi meħtieġa;
  • jippermettu li uffiċjali ta’ sieħeb ikunu preżenti fl-uffiċċji, l-inkjesti amministrattivi u l-proċedimenti tal-qorti tagħhom;
  • jinnotifikaw lid-destinatarji tad-dokumenti kollha mibgħuta minn awtorità oħra;
  • jirkupraw talba soġġetta għal ordni ta’ infurzar jew it-teħid ta’ kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni meħtieġa.

Il-pajjiżi:

  • jissospendu immedjatament il-proċeduri ta’ infurzar mitluba jekk it-talba tiġi kkontestata fil-pajjiż applikant;
  • jistgħu jirrifjutaw li jissodisfaw it-talba jekk it-talba:
    • toħloq diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fil-ġurisdizzjoni tagħhom;
    • ilha aktar minn 5 snin, jew 10 snin taħt ċerti kundizzjonijiet;
    • hija inqas minn EUR 1,500.

Tilwim dwar it-talba inizjali u l-ordni ta’ infurzar ta’ pajjiż jiġu ttrattati fil-ġurisdizzjoni tiegħu, dawk dwar il-mod kif pajjiż ieħor jikkonforma ma’ din it-talba jiġu ttrattati mis-sistema legali tiegħu.

Il-ftehim jippermetti lin-Norveġja biex tipparteċipa fil-Eurofisc, network ta’ esperti tal-amministrazzjoni tat-taxxa kontra l-frodi.

Il-ftehim joħloq Kumitat Konġunt tar-rappreżentanti tal-UE u tan-Norveġja biex jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Dan:

  • jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet;
  • jiddeċiedi dwar kategoriji ġodda għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni;
  • jistabbilixxi diversi arranġamenti prattiċi;
  • jieħu d-deċiżjonijiet b’unanimità;
  • jiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn;
  • jittratta kull tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni.

Il-ftehim huwa validu b’mod indefinit. Dan jista’ jiġi terminat 6 xhur wara li kwalunkwe parti tinnotifika bil-miktub l-intenzjoni tagħha li tagħmel dan.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2018.

SFOND

  • In-Norveġja hija l-ewwel pajjiż li miegħu l-UE għandha ftehim ta’ kooperazzjoni dwar il-VAT. Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, dan għandu sistema simili tal-VAT u rekord b’saħħtu dwar il-kooperazzjoni tal-VAT mal-UE, b’mod partikolari dwar l-enerġija.
  • Il-ftehim isegwi l-istess struttura kif użata għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 għall-VAT (ara s-sommarju) u skont id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (ara s-sommarju) għall-irkupru tat-talbiet tal-VAT.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 195, 1.8.2018, pp. 3-22).

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2381 tal-5 ta’ Diċembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 340, 20.12.2017, pp. 4-5)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1089 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 195, 1.8.2018, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 199, 7.8.2018, p. 1)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, pp. 1-18)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, pp. 1-12)

l-aħħar aġġornament 22.07.2020

Top