Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku (MRA) bejn l-UE u l-Awstralja
SOMMARJU TA’:
Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja
Deċiżjoni 98/508/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?
Il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku (MRA)* għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u l-Awstralja billi jneħħi ostakli tekniċi.
Skont il-ftehim bilaterali li qablu fuqu l-pajjiżi tal-UE fil-11 ta’ Novembru 2005, l-UE u l-Awstralja aċċettaw ir-riżultati tal-valutazzjoni ta’ konformità* li twettaq kull parti għal prodotti industrijali speċifiċi.
Id-deċiżjoni tadotta l-MRA mal-Awstralja f’isem l-UE.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim ikopri s-setturi li ġejjin:
- il-prassi tajba ta’ manifattura għall-mediċini;
- apparat mediku;
- apparat terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u apparat ta’ stazzjonijiet terrestri tas-satellita;
- tagħmir elettriku b’vultaġġ baxx;
- il-kompatibbiltà elettromanjetika* tat-tagħmir;
- makkinarju industrijali, inklużi krejnijiet torri u krejnijiet mobbli;
- tagħmir ta’ pressjoni;
- prodotti awtomobilistiċi.
Il-ftehim:
- jippermetti li l-prodotti tal-kumpaniji tal-UE — li jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti Awstraljani — jiġu ttestjati u ċċertifikati fl-UE u mbagħad ikunu jistgħu jiġu esportati lejn is-suq Awstraljan u viċi versa;
- jelenka l-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi li jkopri l-ftehim għal kull settur;
- jistipula l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità;
- jistipula l-proċeduri għan-nomina tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità* għal kull settur;
- jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-UE u tal-Awstralja jivverifikaw, jispezzjonaw u jissorveljaw il-korpi nnominati tal-valutazzjoni tal-konformità biex jiżguraw li dawn iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod korrett;
- jipprovdi għal sospensjoni ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnominat;
- jistabbilixxi kumitat konġunt ta’ rappreżentanti tal-UE u tal-Awstralja biex jindirizza kull kwistjoni li tista’ tinqala’ skont il-ftehim.
MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?
Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.
SFOND
Fir-Riżoluzzjoni tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 1989, il-gvernijiet tal-UE qablu dwar il-prinċipji tal-MRAs. Fil-21 ta’ Settembru 1992, huma awtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinnegozja ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku f’isem l-UE ma’ ċerti pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Għal aktar informazzjoni ara:
TERMINI EWLENIN
Ftehim dwar l-għarfien reċiproku: Ftehim internazzjonali fejn żewġ partijiet jew aktar jagħrfu l-konformità tar-riżultati ta’ valutazzjoni ta’ xulxin.
Il-valutazzjoni tal-konformità: il-proċedura li biha prodott jiġi ttestjat, spezzjonat u ċċertifikat biex jiġi żgurat li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti qabel ma jiġi kkumerċjalizzat.
Kompatibbiltà elettromanjetika: l-interazzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mal-ambjent elettromanjetiku tiegħu, u ma’ tagħmir ieħor. L-apparat elettroniku kollu għandu l-potenzjal li jemetti kampi elettromanjetiċi.
Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità: dawn jevalwaw jekk prodott jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji jew leġiżlattivi rilevanti.
DOKUMENTI EWLENIN
Ftehim dwar l-għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità, ċertifikati u mmarkat bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja (ĠU L 229, 17.8.1998, pp. 3-60)
L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
Deċiżjoni tal-Kunsill 98/508/KE tas-18 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku rigward assessment ta’ konformità, ċertifikati u marki bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja (ĠU L 229, 17.8.1998, pp. 1-2)
Ara l-verżjoni kkonsolidata.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar approċċ globali lejn il-valutazzjoni tal-konformità (ĠU C 10, 16.1.1990, pp. 1-2)
l-aħħar aġġornament 24.07.2018