EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-UE u ċ-Ċina

Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-UE u ċ-Ċina

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Id-Deċiżjoni 2000/16/KE li tikkonkludi l-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim jistabbilixxi qafas formali għall-koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, issa l-Unjoni Ewropea (UE), u ċ-Ċina, bil-għan li jinkoraġġixxi, jiżviluppa u jiffaċilita attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp koperattivi fl-oqsma ta’ interess komuni tax-xjenza u tat-teknoloġija.

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-konklużjoni tal-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea.

PUNTI EWLENIN

L-attivitajiet imwettqa skont il-ftehim huma bbażati fuq għadd ta’ prinċipji:

  • benefiċċju reċiproku;
  • aċċess reċiproku għall-attivitajiet;
  • skambju ta’ informazzjoni f’waqtu;
  • protezzjoni xierqa tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Oqsma ta’ kooperazzjoni

Il-ftehim ikopri l-oqsma kollha ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u demostrazzjoni.

Attivitajiet

L-attivitajiet koperattivi jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  • il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ta’ riċerka Ċiniżi fi proġetti ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u demostrazzjoni taħt il-Programm Qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni reċiproka ta’ entitajiet ta’ riċerka bbażati fl-UE fi proġetti Ċiniżi f’setturi simili;
  • il-ġbir flimkien ta’ proġetti ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni;
  • żjarat u skambji ta’ xjenzati u esperti tekniċi;
  • l-organizzazzjoni konġunta ta’ seminars, konferenzi, simpożji u workshops xjentifiċi, u l-parteċipazzjoni ta’ esperti f’dawk l-attivitajiet;
  • azzjonijiet konċertati;
  • l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ tagħmir u materjali;
  • l-iskambju ta’ informazzjoni dwar prattiki, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għall-kooperazzjoni skont dan il-ftehim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim ġie ffirmat fit-22 ta’ Diċembru 1998 u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 1999 għal perjodu inizjali ta’ ħames (5) snin. Huwa jiġġedded wara l-evalwazzjoni matul ir-raba’ sena ta’ kull perjodu suċċessiv ta’ ħames (5) snin. Ġie mġedded b’mod taċitu l-aktar riċentement fl-2019 għal perjodu addizzjonali ta’ ħames (5) snin.

SFOND

Il-koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina ġiet imsaħħa fl-2012 bl-iffirmar ta’ dikjarazzjoni konġunta li stabbilixxiet djalogu ta’ livell għoli ta’ koperazzjoni u innovazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina huma mmexxija b’mod usa’ mill-aġenda strateġika għall-kooperazzjoni UE-Ċina 2020 tal-2013.

Għal aktar informazzjoni, ara:

Għal aktar informazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni maċ-Ċina, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/16/KE tat-2 ta’ Diċembru 1999 li tikkonkludi l-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 6, 11.1.2000, p. 39)

Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 6, 11.1.2000, pp. 40–45)

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim fuq il-Koperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 250, 19.9.1985, pp. 2–7)

l-aħħar aġġornament 14.02.2022

Top