Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kummerċ fi prodotti organiċi

Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kummerċ fi prodotti organiċi

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni (UE) 2017/436 — dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kummerċ fi prodotti organiċi

Deċiżjoni (UE) 2017/2307 — li jikkonkludi l-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kummerċ fi prodotti organiċi

Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kummerċ fi prodotti organiċi

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-kummerċ fi prodotti agrikoli prodotti b’mod organiku u oġġetti tal-ikel bejn l-UE u ċ-Ċilì u jipprovdi stimulu għas-settur tal-prodotti organiċi fl-UE. Huwa jiddeskrivi sistema ta’ kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u s-soluzzjoni ta’ tilwim fil-kummerċ organiku. Ikel organiku prodott fl-UE li huwa kopert mill-ftehim jista’ jiġi kkummerċjalizzat fiċ-Ċilì mingħajr verifiki addizzjonali. L-istess japplika għal xi prodotti organiċi Ċileani fl-UE.
  • Id-Deciżjoni (UE) 2017/436 timmarka l-iffirmar u d-Deċiżjoni (UE) 2017/2307 tapprova l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Ekwivalenza

  • Għall-produzzjoni organika u s-sistemi ta’ kontroll assoċjati tagħha, l-UE u ċ-Ċilì jirrikonoxxu l-ekwivalenza (kapaċità li jilħqu l-istess għanijiet) tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ xulxin, kif ukoll tas-sistemi ta’ spezzjoni u ċertifikazzjoni.
  • Il-prodotti kkonċernati huma elenkati fl-annessi tal-ftehim. Il-ftehim ikopri prodotti tal-EU bħal:
    • prodotti tal-pjanti mhux proċessati,
    • annimali ħajjin,
    • prodotti tal-annimali mhux proċessati (inkluż l-għasel),
    • prodotti tal-akwakultura u l-alka,
    • prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala għalf jew ikel (inkluż l-inbid)
    • materjal veġetattiv tal-propagazzjoni* u
    • żerriegħa għall-kultivazzjoni.
  • Kwalunkwe emenda għal-listi tal-prodotti koperti mill-ftehim huma approvati mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-UE wara konsultazzjoni maċ-Ċilì u l-pajjiżi tal-UE.

Importazzjoni u esportazzjoni

Kull parti taċċetta l-prodotti elenkati fl-annessi mill-parti l-oħra taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • importazzjonijiet fl-UE għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ Ċilì elenkati fl-Anness IV u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ spezzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1235/2008, att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi “terzi” (mhux UE);
  • importazzjonijiet lejn iċ-Ċilì għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti tal-UE elenkati fl-Anness III u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ spezzjoni minn awtorità Ċileana jew tal-UE skont ir-regoli stabbiliti mid-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz tal-Agrikoltura u l-Bhejjem fiċ-Ċilì.

Tikkettar

  • Il-prodotti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikkettar legali tal-parti li qed timporta u jistgħu jġorru l-logo organiku tal-UE, li-logo organiku Ċilean jew it-tnejn. Il-logos organiċi użati kurrentement mill-UE u ċ-Ċilì għall-prodott tagħhom huma protetti wkoll.
  • Il-partijiet jaqblu li ma jagħmlux użu ħażin mit-termini tat-tikkettar, inkluż derivattivi bħal “bijo” u “eko”.

Informazzjoni, irrappurtar u ġestjonar

  • Il-partijiet jiskambjaw rapporti annwali dwar kif il-ftehim qed jiġi applikat, inkluż:
    • informazzjoni dwar it-tipi u l-kwantitajiet tal-prodotti organiċi esportati taħt il-ftehim;
    • attivitajiet ta’ monitoraġġ u superviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, ir-riżultati miksuba u l-miżuri korrettivi meħuda.
  • B’avviż ta’ mill-inqas tliet xhur, uffiċjali u esperti mill-parti l-oħra jagħmlu evalwazzjoni tal-pari biex jivverifikaw li l-verifiki meħtieġa taħt il-ftehim qed jiġu applikati.
  • Kumitat Konġunt dwar Prodotti Organiċi, ifformat minn rappreżentanti tal-partijiet (jiġifieri ċ-Ċilì u l-UE), għandu responsabilitajiet li jinkludu:
    • l-immaniġġjar tal-ftehim;
    • l-eżami ta’ talbiet biex jaġġornaw jew jestendu l-lista tal-prodotti koperti mill-ftehim;
    • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fuq liġijiet, regolamenti, standards u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità biex tiżdied il-konverġenza;
    • is-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet relatati mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-ftehim.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Materjal tal-propagazzjoni: il-partijiet minn pjanti u l-materjal kollu tal-pjanti, inklużi r-riżomi, maħsuba għat-tnissil u r-riproduzzjoni u l-produzzjoni tal-ħxejjex. eżempji jinkludu basal, riżomi, eċċ.

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/436 tas-6 ta’ Marzu 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (ĠU L 67, 14.3.2017, p. 33)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2307 tad-9 ta’ Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (ĠU L 331, 14.12.2017, pp. 1-3)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (ĠU L 331, 14.12.2017, pp. 4-18)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, pp. 25-52)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, pp. 1–23)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.06.2020

Top