EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġejjieni tal-politika agrikola komuni (PAK)

Il-ġejjieni tal-politika agrikola komuni (PAK)

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2017) 713 final) — Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja

L-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

L-Artikolu 40 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI U TAL-ARTIKOLI 39 U 40 TAT-TFUE?

Il-komunikazzjoni:

  • għandha l-għan li tistimula dibattitu wiesa’ biex tiġi ssimplifikata u mmodernizzata l-politika agrikola komuni (PAK) wara l-2020.
  • tenfasizza l-ħtieġa ta’ regoli aktar sempliċi, aktar flessibbiltà u kontribut aktar b’saħħtu, il-ħidma flimkien ma’ politiki oħrajn tal-UE, biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-biedja sostenibbli.

L-Artikolu 39 tat-TFUE jistabbilixxi l-objettivi tal-PAK li għandhom l-għan li:

  • iżidu l-produttività agrikola billi jippromwovu l-progress tekniku u billi jiżguraw l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola u l-aħjar użu tal-fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari x-xogħol;
  • jiżguraw standard ta’ għajxien ġust għall-bdiewa;
  • jistabbilizzaw is-swieq;
  • jassiguraw id-disponibbiltà tal-provvisti;
  • jiżguraw li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet reġjonevoli.

L-Artikolu 40 tat-TFUE jintroduċi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK. Skont il-prodott ikkonċernat, din l-organizzazzjoni komuni tista’ tieħu diversi forom:

PUNTI EWLENIN

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-ideat għall-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja, bħal:

  • L-UE ma tibqax tuża l-approċċ attwali ta’ “universalità”. Minflok, hija tistabbilixxi l-objettivi ġenerali tal-politika tal-UE, filwaqt li l-pajjiżi individwali tal-UE jiddeċiedu x’għandhom ikunu l-miri speċifiċi u kif dawn jintlaħqu.
  • Minflok lill-konformità, l-attenzjoni se tingħata biex jiġi żgurat li l-finanzjament ikun iffukat fuq ir-riżultati.
  • Kull pajjiż ifassal pjan strateġiku tal-PAK li l-Kummissjoni Ewropea tapprova biex tiġi żgurata koerenza politika mal-UE kollha.
  • Jenħtieġ li r-regoli eżistenti jsiru aktar sempliċi u titnaqqas il-burokrazija.
  • L-appoġġ għall-bdiewa se jkompli permezz tas-sistema ta’ pagamenti diretti li se jkunu mqassma b’mod aktar ġust u mmirati aħjar.

Jenħtieġ li l-PAK tal-ġejjini:

  • tinkoraġġixxi biedja intelliġenti*u reżiljenti*, li tiżgura s-sigurtà alimentari permezz ta’ użu akbar ta’ teknoloġiji moderni;
  • issaħħaħ u tikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali, tal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-klima usa’ tal-UE;
  • tappoġġja l-ħajja soċjali u ekonomika f’żoni rurali billi tipprovdi impjiegi, tattira bdiewa ġodda lejn il-professjoni u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet u lill-aġenziji lokali biex jiżviluppaw bis-sħiħ potenzjal taż-żona;
  • tiżgura li l-pubbliku Ewropew jibqa’ jkollu aċċess għal firxa ta’ ikel sikur, ta’ kwalità għolja, affordabbli u nutrittiv.

Ideat oħra jinkludu:

  • appoġġ lill-Villaġġi Intelliġenti biex jiġu żviluppati konnessjonijiet tal-broadband, u impjiegi ta’ kwalità tajba u sostenibbli;
  • appoġġ finanzjarju mal-UE kollha bħala għajnuna għall-bdiewa fl-ispejjeż kapitali inizjali u l-introjtu inċert tagħhom;
  • it-titjib tas-servizzi ta’ konsulenza u l-promozzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u f’żoni rurali;
  • impenji sabiex jiġi żgurat li l-PAK modernizzata tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jissaħħu kemm il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ kif ukoll l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni, b’mod partikolari mill-Afrika.

SFOND

Il-PAK hija l-aktar politika komuni antika tal-UE. Mill-1962, ġiet riformata diversi drabi sabiex tadatta għal sfidi ġodda u għall-ambjenti Ewropej u globali li qegħdin jinbidlu.

Fi Frar 2017, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-PAK. Matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ 3 xhur hija rċeviet ’il fuq minn 320 000 tweġiba. Dawn urew appoġġ b’saħħtu għall-politika, iżda wkoll xewqa li din tkun aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar iffukata fuq li jiġi żgurat introjtu ġust għall-bdiewa u li jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u klimatiċi.

Il-Kummissjoni fittxet li tintroduċi abbozz ta’ leġiżlazzjoni biex timmodernizza l-PAK fl-ewwel nofs tal-2018 wara li ppreżentat il-proposti għall-baġit pluriennali tagħha għall-infiq tal-UE mill-2020 ’il quddiem.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Il-biedja intelliġenti: tiżgura li s-settur tal-agrikoltura tal-UE jkun mgħammar biex jindirizza l-kwistjonijiet li jiffaċċja permezz tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Biedja reżiljenti: tiżgura li s-settur tal-biedja jkun kapaċi jadatta għal ċirkostanzi u sfidi li qed jinbidlu filwaqt li jżomm il-funzjonijiet ewlenin tiegħu, inkluż il-provvista tal-beni u s-servizzi vitali tagħhom.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Futur tal-Ikel tal-Biedja (COM (2017) 713 final, 29.11.2017)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — it-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu III — Agrikoltura u sajd — Artikolu 39 (ex Artikolu 33 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 62-63)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — it-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu III — Agrikoltura u sajd — Artikolu 40 (ex-Artikolu 34 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 63-64)

DOKUMENTI RELATATI

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa — Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017) 2025 final, 1.3.2017)

Dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE (COM(2017) 358 final, 28.6.2017)

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 487-548)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549-607).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 608-670)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.03.2018

Top