Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

UE-Afganistan: Ftehim ta’ kooperazzjoni dwar sħubija u żvilupp

UE-Afganistan: Ftehim ta’ kooperazzjoni dwar sħubija u żvilupp

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan

Deċiżjoni (UE) 2017/434 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IL-FTEHIM U DIN ID-DEĊIŻJONI?

  • Il-ftehim jistabbilixxi sħubija bejn l-UE u l-Afganistan bil-għan li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bil-ħsieb li:
    • jiġu appoġġati l-paċi u s-sigurtà fl-Afganistan u fir-reġjun;
    • jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli, u ambjent politiku stabbli u demokratiku li jintegra l-Afganistan fl-ekonomija dinjija;
    • jiġi stabbilit djalogu regolari, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
    • tiġi promossa l-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jinqered il-faqar;
    • jiġu żviluppati l-kummerċ u l-investiment;
    • tittejjeb il-koordinazzjoni dwar l-isfidi globali.
  • Id-deċiżjoni tikkonċerna l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp mal-Afganistan.

PUNTI EWLENIN

  • Il-partijiet għall-ftehim jikkonfermaw il-valuri komuni tagħhom kif espressi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u jirrikonoxxu li l-poplu Afgan, permezz tal-istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi tiegħu u skont il-Kostituzzjoni tal-Afganistan, huwa s-sid leġittimu u l-ixprunatur tal-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni, żvilupp u demokratizzazzjoni tal-Afganistan.
  • L-UE timpenja ruħha li tappoġġa lill-gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jibni futur sikur u stabbli għall-poplu tiegħu billi twettaq riformi biex jissaħħu l-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi:
  • il-kooperazzjoni politika u strateġika
    • il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu;
    • il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
    • il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u r-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari;
    • il-kisba tal-iżvilupp u l-paċi sostenibbli;
    • il-bini ta’ istituzzjonijiet leġittimi u demokratiċi.
  • Is-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem
    • l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (inklużi d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal, tal-minoranzi etniċi u reliġjużi);
    • il-kooperazzjoni legali u l-ħidma tal-pulizija;
    • il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
    • il-ġlieda kontra d-drogi illeċiti;
    • il-prevenzjoni ta’ flussi migratorji rregolari.
  • L-iżvilupp u l-kummerċ
    • il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u rurali;
    • il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku inklużiv;
    • il-kisba ta’ kundizzjonijiet favorevoli għal investiment barrani sostenibbli li jkun ta’ benefiċċju għall-poplu tal-Afganistan;
    • ir-rispett tal-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol;
    • l-inkorporazzjoni tar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Il-ftehim ilu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-1 ta’ Diċembru 2017. Dan se jidħol fis-seħħ ladarba l-partijiet kollha jkunu rratifikawh wara l-proċeduri kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 67, 14.3.2017, pp. 3-30)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 tat-13 ta’ Frar 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 67, 14.3.2017, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

L-Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (ĠU L 273, 24.10.2017, p. 1)

l-aħħar aġġornament 28.04.2020

Top