Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Maċedonja Ta’ Fuq

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Maċedonja Ta’ Fuq

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Id-Deċiżjoni 2004/239/KE, Euratom dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Deċiżjoni Nru 1/2018 dwar t-tranżizzjoni għat-tieni stadju tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U L-FTEHIM?

Id-Deċiżjoni 2004/239/KE timmarka l-konklużjoni tal-Unjoni Ewropea (tal-UE) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-Maċedonja Ta’ Fuq.

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • ikun ta’ appoġġ għall-isforzi tal-Maċedonja Ta’ Fuq biex issaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
  • ikun hemm kontribut għall-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fil-Maċedonja Ta’ Fuq, kif ukoll għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;
  • ikun ipprovdut qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jħalli l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn l-UE u l-Maċedonja Ta’ Fuq;
  • jappoġġja l-isforzi tal-Maċedonja Ta’ Fuq sabiex tkun żviluppata l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tagħha, inkluż billi l-liġijiet tiegħu jiġu allinjati aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE;
  • jappoġġja l-isforzi tal-Maċedonja Ta’ Fuq sabiex tkun ikkompletata t-tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq li taħdem;
  • jippromwovi relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi u gradwalment jiżviluppa żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Maċedonja Ta’ Fuq;
  • irawwem kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma kollha li huma koperti minn dan il-ftehim.

Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 timmarka l-passaġġ lejn it-tieni stadju tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni.

PUNTI EWLENIN

L-FSA jinkludi 10 intestaturi.

 

  • 1.
    Prinċipji ġenerali

    L-FSA huwa bbażat fuq numru ta’ prinċipji essenzjali. Il-Maċedonja Ta’ Fuq taqbel li:

    • tirrispetta l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, il-liġi internazzjonali u l-istrumenti kif ukoll il-prinċipji ta’ ekonomija tas-suq;
    • tiġġieled kontra t-terroriżmu u tissodisfa l-obbligi internazzjonali f’dan il-qasam.
    • tippromwovi l-paċi internazzjonali u reġjonali, u l-istabbiltà, u trawwem kooperazzjoni u relazzjonijiet tajba ta’ viċinat fir-reġjun, inkluż billi
      • tiżviluppa proġetti ta’ interess komuni
      • livell xieraq ta’ konċessjonijiet reċiproċi li għandhom x’jaqsmu mal-moviment tal-persuni, tal-prodotti, tal-kapital u tas-servizzi.

     

  • 2.
    Djalogu politiku

    Id-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet għandu jiġi żviluppat aktar. Dan se jippromwovi, b’mod partikolari:

    • konverġenza li tiżdied fil-pożizzjonijiet tal-partijiet dwar kwistjonijiet internazzjonali;
    • kooperazzjoni reġjonali u żvilupp ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat;
    • fehmiet komuni dwar is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa, inkluż fl-oqsma li huma koperti mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE.

     

  • 3.
    Kooperazzjoni reġjonali

    Il-Maċedonja Ta’ Fuq hija meħtieġa li:

    • tinkoraġġixxi b’mod attiv il-kooperazzjoni reġjonali;
    • tinnegozja mal-pajjiżi li diġà ffirmaw FSA mal-UE — bil-għan li tikkonkludi ftehimiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni reġjonali;
    • tissokta bil-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi involuti fil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni (SAP) f’uħud mill-oqsma ta’ kooperazzjoni li huma koperti minn dan il-ftehim jew fl-oqsma kollha;
    • tikkonkludi, jekk ikun possibbli, ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ kwalunkwe pajjiż kandidat tal-UE.

    L-UE tappoġġja proġetti li jkollhom dimensjoni reġjonali jew transkonfinali permezz tal-programmi ta’ assistenza teknika tagħha.

     

  • 4.
    Il-moviment ħieles tal-prodotti
    • Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom biex gradwalment jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles bilaterali.
    • L-FSA jistabbilixxi proċess għat-tnaqqis u t-tneħħija ta’ tariffi u kwoti doganali fuq prodotti kemm mill-UE kif ukoll mill-Maċedonja Ta’ Fuq.

     

  • 5.
    Il-moviment tal-ħaddiema, it-twaqqif, il-provvista tas-servizzi u l-moviment tal-kapital
    • Iċ-ċittadini tal-Maċedonja Ta’ Fuq li jaħdmu legalment f’pajjiż tal-UE għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat.
    • Għandhom ikunu stabbiliti r-regoli biex tiġi kkoordinata s-sistema ta’ sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-Maċedonja Ta’ Fuq legalment impjegati fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE, u għall-membri tal-familji tagħhom li huma legalment residenti hemmhekk.
    • Il-kumpaniji (kif ukoll is-sussidjarji u l-fergħat) ibbażati f’parti waħda se jitħallew jistabbilixxu operazzjonijiet fit-territorju tal-parti l-oħra taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kumpaniji bbażati f’dak it-territorju.
    • Iż-żewġ partijiet għandhom jieħdu passi li progressivament jippermettu lill-kumpaniji jew liċ-ċittadini tagħhom jipprovdu servizzi fit-territorju tal-parti l-oħra.
    • Kwalunkwe pagament u trasferiment fuq il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti bejn l-UE u l-Maċedonja Ta’ Fuq għandhom ikunu permessi f’munita li tista’ tissarraf liberament.

     

  • 6.
    Allinjament tal-liġijiet tal-pajjiż ma’ dawk tal-UE
    • Il-Maċedonja Ta’ Fuq taqbel li tiżgura li l-liġi eżistenti tagħha u l-leġiżlazzjoni futura, gradwalment se jsiru kompatibbli mal-acquis tal-UE u li tali liġijiet se jiġu implimentati u infurzati kif xieraq.
    • Iż-żewġ naħat huma marbuta b’regoli ta’ kompetizzjoni, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.

     

  • 7.
    Il-ġustizzja u l-affarijiet interni
    • L-FSA jenfasizza l-importanza tal-istat tad-dritt u tar-rinfurzar tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha.
    • Il-kooperazzjoni tiffoka fuq numru ta’ oqsma speċifiċi, fosthom:
      • l-indipendenza tal-ġudikatura, it-titjib tal-effettività tagħha u t-taħriġ fil-professjonijiet legali;
      • il-viża, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-kenn politiku u l-migrazzjoni;
      • il-prevenzjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni illegali, ir-riammissjoni;
      • il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, il-korruzzjoni, it-terroriżmu u attivitajiet illegali oħra.

     

  • 8.
    Il-politika ta’ kooperazzjoni

    L-UE u l-Maċedonja Ta’ Fuq għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi biex jgħinu fl-iżvilupp u t-tkabbir potenzjali tal-pajjiż.

     

  • 9.
    Kooperazzjoni finanzjarja

    Bħala għajnuna biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Montenegro jista’ jirċievi assistenza finanzjarja mill-UE fil-forma ta’ għotjiet u self, inkluż self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

     

  • 10.
    Superviżjoni

    L-FSA jistabbilixxi kunsill ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FSA.

     

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?

Id-Deċiżjoni 2004/239/KE ilha tapplika mit-23 ta’ Frar 2004 u l-Ftehim mill-1 ta’ April 2004. Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 ilha tapplika mill-4 ta’ Diċembru 2018.

SFOND

Fil-pakkett tagħha tat-tkabbir tal-2018, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jiddeċiedi li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjonimal-Maċedonja Ta’ Fuq, billi jinżamm u jiġi approfondit l-momentum ta’ riforma attwali dwar il-prijoritajiet urġenti ta’ riforma, deċiżivi għal aktar progress fil-pajjiż. F’Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew stabilixxa it-triq lejn il-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni f’Ġunju 2019.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra l-Protokoll 1 dwar prodotti tat-tessuti u ħwejjeġ il-Protokoll 2 dwar prodotti tal-azzar il-Protokoll 3 dwar kummerċ bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Komunità fi prodotti agrikoli pproċessati l-Protokoll 4 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva l-Protokoll 5 dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’affarijiet doganali l-Att Finali (ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13-197)

Emendi suċċessivi għall-Ftehim ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni 2004/239/KE,Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra (ĠU L 84, 20.3.2004, p. 1-2)

Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tikkonċerna t-tranżizzjoni għat-tieni stadju tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (ĠU L 18, 21.1.2019, p. 51-54)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/751 tal-14 ta’ Mejju 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, li tikkonċerna t-tranżizzjoni għat-tieni stadju tal-Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim (ĠU L 126, 23.5.2018, p. 3-5)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-politika ta’ tkabbir tal-UE (COM(2018) 450 final, 17.4.2018)

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Rapport tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tal-2018 — Li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE (SWD(2018) 154 final, 17.4.2018)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11-26)

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Kummissjoni Ewropea u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 85, 23.3.2004, p. 26)

l-aħħar aġġornament 05.04.2019

Top