Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema komuni għall-produzzjoni ta’ statistika dwar l-enerġija

Sistema komuni għall-produzzjoni ta’ statistika dwar l-enerġija

 

SOMMARJU TA’

Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Li jistabbilixxi sistema għall-produzzjoni ta’ statistika madwar l-UE kollha dwar il-prodotti tal-enerġija* u l-aggregati* tagħhom.
  • Japplika wkoll għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.
  • Dan ikopri l-proċess sħiħ ta’ ġbir, trażmissjoni, evalwazzjoni u tixrid tad-data.

PUNTI EWLENIN

Terminoloġija

It-termini tekniċi huma definiti u ċċarati fl-Anness A għar-regolament.

Is-sorsi tad-data

Il-pajjiżi tal-UE iridu jikkompilaw id-data li tikkonċerna l-prodotti tal-enerġija u l-aggregati tagħhom mis-sorsi li ġejjin:

  • stħarriġ speċifiku indirizzat lill-produtturi u kummerċjanti, lid-distributuri u trasportaturi tal-enerġija primarja* u trasformata* u lill-importaturi u esportaturi tal-prodotti tal-enerġija;
  • stħarriġ ieħor indirizzat lill-utenti tal-enerġija finali fis-setturi tal-industrija tal-manifattura, tat-trasport, u f’setturi oħrajn, inklużi d-djar;
  • proċeduri ta’ stima statistika oħrajn jew sorsi oħrajn, inklużi sorsi amministrattivi, bħal regolaturi tas-swieq tal-elettriku u tal-gass.

It-trażmissjoni u t-tixrid tad-data

Il-pajjiżi li jirrapportaw għandhom jibagħtu l-istatistika nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) kif stabbilit fl-annessi għar-regolament:

  • kull sena għall-istatistika dwar l-enerġija fl-Anness B;
  • kull xahar għall-istatistika dwar l-enerġija fl-Anness C (id-data trid tintbagħat lill-Eurostat fi żmien 55 jum mix-xahar irrapportat);
  • kull xahar tul medda qasira ta’ żmien għall-istatistika dwar l-enerġija fl-Anness D (id-data trid tintbagħat lill-Eurostat fi żmien xahar mix-xahar irrapportat).

L-arranġamenti tat-trażmissjoni, inklużi l-iskadenzi applikabbli u kwalunkwe eċċezzjoni u eżenzjoni huma stipulati fl-annessi. Maż-żmien, il-Kummissjoni tista’ tibdel dawn l-arranġamenti.

L-Eurostat trid tqassam l-istatistika annwali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar tat-tieni sena wara l-perjodu rrapportat.

Valutazzjoni tal-kwalità u rapporti

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-kwalità tad-data li jibagħtu lill-Eurostat. B’mod partikolari, iridu jiżguraw li d-data dwar l-enerġija li jiddikjaraw taħt dan ir-regolament tkun taqbel mad-data li jiddikjaraw fir-rigward tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ.

Il-Kummissjoni (Eurostat) tivvaluta l-kwalità tad-data minn diversi perspettivi inkluż ir-rilevanza, il-puntwalità, l-aċċessibbiltà, iċ-ċarezza u l-komparabbiltà tagħha.

Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jgħaddu rapport lill-Eurostat dwar il-kwalità tad-data trażmessa kif ukoll dwar kwalunkwe tibdil metodoloġiku li jkun sar.

Statistika nukleari annwali

Mill-2009, il-pajjiżi tal-UE bdew iħejju statistika dwar is-settur nukleari. Is-sett ta’ statistika miġbur jirrigwarda l-użu ċivili tal-enerġija nukleari.

L-enerġija rinnovabbli u statistika dwar il-konsum finali tal-enerġija

Bil-ħsieb li tiġi mtejba l-kwalità tal-istatistika dwar l-enerġija rinnovabbli u dwar il-konsum ta’ enerġija finali, il-Kummissjoni, flimkien mal-pajjiżi tal-UE, qiegħda teżamina u tirrevedi l-metodoloġiji użati fil-produzzjoni tagħha. B’mod partikolari, il-pajjiżi huma meħtieġa jittrażmettu data aktar diżaggregata* għall-konsum tal-enerġija fid-djar mis-sena ta’ referenza 2015 u data aktar dettaljata dwar l-enerġiji rinnovabbli mis-sena ta’ referenza 2017.

Leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta leġiżlazzjoni addizzjonali mfassla sabiex timplimenta dan ir-regolament.

Kumitat

Il-Kummissjoni (Eurostat) hija mgħejuna u tilqa’ l-pariri tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, kumitat magħmul minn rappreżentanti minn pajjiżi tal-UE u ppresedut mill-Kummissjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-4 ta’ Diċembru 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti tal-enerġija: karburanti kombustibbli, sħana, enerġija rinnovabbli, elettriku jew kwalunkwe forma oħra ta’ enerġija.
Aggregati: data aggregata fil-livell nazzjonali dwar it-trattament jew l-użu ta’ prodotti tal-enerġija, jiġifieri:

  • il-produzzjoni, il-kummerċ, l-istokks, it-trasformazzjoni, il-konsum u
  • l-karatteristiċi strutturali tas-sistema tal-enerġija bħal kapaċitajiet installati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew il-kapaċitajiet tal-produzzjoni għall-prodotti taż-żejt

Enerġija primarja: sorsi tal-enerġija li jistgħu jintużaw direttament fl-istat natural tagħhom, eż. faħam, żejt, gass naturali, bijomassa, sħana, riħ jew sħana nukleari.
Enerġija trasformata: enerġija li tiġi minn sors primarju iżda li tista’ tintuża biss fl-istat trasformat tagħha, eż. elettriku minn impjant li jaħdem bil-faħam jew biż-żejt.
Data diżaggregata: data li tkun disponibbli f’komponenti separati (tisħin tal-ilma tad-dar, dwal fid-djar, eċċ.)

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, pp. 1-62)

L-emendi suċċessivi fir-Regolament (UE) Nru 1099/2008 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2010 tad-9 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-aġġornamenti tal-istatistika dwar l-enerġija annwali u ta’ kull xahar (ĠU L 292, 10.11.2017, pp. 3–54)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1504 tas-7 ta’ Settembru 2015 lli tagħti derogi lil ċerti Stati Membri fir-rigward tal-provvediment tal-istatistika skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 235, 9.9.2015, pp. 24-25)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 431/2014 tal-24 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istatistika annwali dwar il-konsum tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi (ĠU L 131, 1.5.2014, pp. 1-50)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2013 tad-L-Erbgħa, 13 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-enerġija, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ aġġornamenti ta’ kull xahar u annwali għall-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 50, 22.2.2013, pp. 1-58)

l-aħħar aġġornament 20.02.2022

Top