Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Konsum tal-enerġija — qafas għal regoli dwar it-tikkettar

Konsum tal-enerġija — qafas għal regoli dwar it-tikkettar

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2017/1369 għat-tikkettar tal-enerġija

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi l-bażi għall-adozzjoni ta’ atti fuq it-tikkettar tal-enerġija ta’ prodotti relatati mal-enerġija, u jipprovdi informazzjoni standard dwar l-effiċjenza enerġetika — flimkien mal-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra — biex jgħin lil konsumatur fid-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. Dan ma jkoprix prodotti użati, ħlief jekk dawn ikunu importati minn barra l-Unjoni Ewropea (UE), jew il-mezzi tat-trasport.

Dan iħassar id-Direttiva 2010/30/UE.

PUNTI EWLENIN

Prodotti relatati mal-enerġija juru tikketti li bihom konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar prodotti iktar ekoloġiċi u sostenibbli, u jqisu l-progress tekniku. Ir-regolament jipprovdi għal skala ġdida, aġġornata u iktar ċara, minn A (l-iktar effiċjenti) għal G (l-inqas effiċjenti), li ser titqies minn regolamenti delegati li jmiss. Hemm ukoll rekwiżit għal skeda tal-informazzjoni tal-prodott.

Ħafna minn dawn it-tiketti li diġà jintużaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2017 ingħataw “skala ġdida” mill-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri ġew rikalibrati biex jikkonformaw mar-regolament il-ġdid bi skala minn A sa G.

il-Kummissjoni tadotta att delegat separat għal kull grupp ta’ prodott speċifiku biex tissupplimenta r-regolament. Dan jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għat-tikkettar ta’ gruppi ta’ prodotti speċifiċi li għalihom:

  • il-grupp ta’ prodotti għandu potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija;
  • mudelli ekwivalenti għandhom livelli differenti ta’ prestazzjoni fi ħdan il-grupp ta’ prodotti;
  • m’hemm ebda impatt negattiv sinifikanti f’termini ta’ affordabbiltà jew spiża kumplessiva fil-grupp ta’ prodotti.

L-atti delegati relatati ma’ gruppi ta’ prodotti speċifiċi jindikaw, fost affarijiet oħra:

  • il-grupp ta’ prodotti speċifiku li għandu jkun kopert mir-rekwiżiti ddettaljati għat-tikkettar;
  • id-disinn u kontenut tat-tikketta, inkluża skala minn A sa G li turi l-konsum ta’ enerġija tal-prodott, li suppost ikollha disinn uniformi fil-gruppi ta’ prodotti kollha;
  • informazzjoni oħra li tenfasizza l-effiċjenza enerġetika tal-prodott;
  • l-użu ta’ riżorsi oħra u informazzjoni supplimentari fir-rigward tal-prodott, fejn ikun xieraq;
  • referenza fit-tikketta li tidentifika prodottii li huma intelliġenti fl-enerġija, jiġifieri kapaċi jadattaw u jottimizzaw mudelli ta’ konsum, fejn ikun xieraq;
  • metodi tal-qies u kalkolu biex jintużaw biex jidditerminaw tikketta u informazzjoni fuq il-prodott, inkluża d-definizzjoni tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika;
  • id-data ta’ evalwazzjoni u d-data possibli ta’ reviżjoni tal-att delegat;
  • varjazzjonijiet fil-prestazzjoni tal-enerġija f’reġjuni klimatiċi differenti.

Il-fornitur u n-negozjant huma responsabbli biex:

  • juru l-klassi ta’ effiċjenza enerġetika tal-prodott u l-firxa ta’ klassijiet disponibbli fuq it-tikketta;
  • jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jieħdu azzjoni immedjata biex jirranġaw kull nuqqas ta’ konformità;
  • ma jurux informazzjoni oħra li x’aktarx tiżgwida klijenti dwar il-konsum tal-enerġija, għal prodottii koperti minn atti delegati;
  • ma jurux tikketti li jimitaw dawk taħt dan ir-regolament, għal prodottii mhux koperti minn atti delegati jew għal prodotti mhux relatati mal-enerġija.

Negozjanti, inklużi negozjanti online, iridu juru t-tikketta pprovduta mill-fornitur u jagħmlu l-iskeda tal-informazzjoni tal-prodott disponibbli għal klijenti fil-punt tal-bejgħ

Il-Kummissjoni waqqfet bażi ta’ data tar-reġistrazzjoni tal-prodott li tissejjaħ Reġistru Ewropew tal-Prodott għal Tikkettar tal-Enerġija.

  • tappoġġja awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluż l-infurzar;
  • tipprovdi lil pubbliku b’informazzjoni dwar il-prodotti u t-tikketti tal-enerġija tagħhom u skedi tal-informazzjoni dwar il-prodott;
  • tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata dwar l-effiċjenza enerġetika ħalli tkun tista’ tirrevedi t-tikkettar tal-enerġija.

Il-bażi ta’ data tħalli lill-pubbliku jikkonsulta tikketti ta’ prodotti u skedi ta’ informazzjoni, u tagħmilha iktar faċli li tqabbel l-effiċjenza enerġetika ta’ apparati elettrodomestiċi. Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2024/994 jistabbilixxi d-dettalji operattivi tal-bażi ta’ data tal-prodott.

Ir-regolament jirrekjedi wkoll li fabbrikanti jinfurmaw lil konsumaturi jekk aġġornamenti lil software jew firmware (software li jkun inkorporat f’biċċa hardware u li jservi bħala interfaċċja bejn dak il-hardware u s-sistema operatorja, pereżempju fuq smartphone jew kompjuter) jkunu jistgħu jnaqqsu l-effiċjenza enerġetika tal-prodott. Tipprojbixxi l-użu ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, li jbiddel il-prestazzjoni ta’ prodott taħt il-kundizzjonijiet tat-test.

Sat-2 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni ser tassessja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2017, ħlief għall-obbligi ta’ fornituri fir-rigward tal-bażi ta’ data tal-prodott, li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 1–23).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1369 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/994 tat-2 ta’ April 2024 li jistabbilixxi d-dettalji operazzjonali tal-bażi tad-data tal-prodotti stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/994, 2.4.2024).

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10–35).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (COM(2014) 330 final, 28.5.2014).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Qafas Strateġiku għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ’il quddiem (COM(2015) 80 final, 25 ta’ Frar 2015).

l-aħħar aġġornament 07.05.2024

Fuq