Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2017) 339 final) — Il-Ġlieda Kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din il-komunikazzjoni tniedi pjan ta’ azzjoni ġdid għall-ġlieda kontra r-reżistenza* għall-antimikrobiċi* (RAM) li saret sejħa għaliha ufil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2016 u li jibni fuq il-pjan ta’ azzjoni preċedenti tal-Kummissjoni kontra r-RAM tal-2011-2016.
  • Peress li l-batterji reżistenti jistgħu jinfirxu mill-annimali għall-bnedmin u viċeversa, il-pjan ta’ azzjoni huwa bbażat fuq l-approċċ saħħa waħda — approċċ ħolistiku li jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem u tal-annimal huma interkonnessi. Dan jinvolvi l-indirizzar tal-isfida tar-RAM minn perspettivi differenti inkluż tas-saħħa pubblika, tas-sikurezza alimentari, tal-ambjent, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-kooperazzjoni internazzjonali, tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali.
  • L-għan aħħari tal-pjan ta’ azzjoni huwa li jikkonserva l-possibbiltà li jiġu kkurati l-infezzjonijiet fil-bnedmin u l-annimali b’mod effettiv. Huwa jipprovdi l-mezzi għal azzjoni kontinwa u aktar estensiva biex jitnaqqsu t-tfaċċar u t-tifrix tar-RAM u jiżdiedu l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ antimikrobiċi effettivi ġodda kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.

PUNTI EWLENIN

Hemm 3 partijiet fil-pjan ta’ azzjoni:

L-UE ssir reġjun tal-aħjar prattika

  • L-evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2011-2016 enfasizzat li biex jintlaħaq dan l-objettiv huma meħtieġa evidenza, koordinazzjoni, sorveljanza u miżuri ta’ kontroll aħjar. Għalhekk din il-parti tinvolvi l-Kummissjoni Ewropea b’fokus fuq oqsma ewlenin b’valur miżjud tal-UE* u jgħin lill-pajjiżi tal-UE jwaqqfu, jimplimentaw u jissorveljaw il-pjanijiet ta’ azzjoni saħħa waħda tagħhom kontra r-RAM.
  • Il-Kummissjoni hija appoġġjata fil-kompiti tagħha mill-aġenziji xjentifiċi tal-UE, bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Ix-xogħol ta’ dawn l-aġenziji se jinkludi li jipprovdu għarfien espert xjentifiku dwar il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet, miżuri ta’ bijosigurtà u prattiki ta’ kontroll fis-saħħa tal-bniedem u t-trobbija tal-annimali sabiex jitnaqqsu l-infezzjonijiet u b’hekk il-ħtieġa tal-antimikrobiċi.
  • L-azzjonijiet tal-UE se jiffukaw fuq l-oqsma bl-ogħla valur miżjud għall-pajjiżi tal-UE, pereżempju:
    • Il-promozzjoni tal-użu prudenti tal-antimikrobiċi;
    • it-titjib tal-ħidma interdixxiplinari;
    • it-titjib tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet; u
    • il-konsolidazzjoni tas-sorveljanza tar-RAM u l-konsum tal-antimikrobiċi.

Madankollu, dawn l-azzjonijiet iridu jirrispettaw il-limiti tal-kompetenza tal-UE u l-fatt li l-pajjiżi tal-UE jibqgħu primarjament responsabbli biex jiddefinixxu l-politiki tagħhom tas-saħħa.

Spinta lir-riċerka, l-iżvilupp (R&D) u l-innovazzjoni

  • Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jagħti spinta lir-R&Ż u l-innovazzjoni. Dan se jfittex li jkompli jinċentiva l-innovazzjoni, jipprovdi kontribut siewi għal politiki bbażati fuq ix-xjenza u miżuri legali biex tiġi miġġielda r-RAM u jindirizza l-lakuni fl-għarfien, bħar-rwol tar-RAM fl-ambjent.
  • Il-Kummissjoni se taħdem bi sħubija mal-pajjiżi tal-UE u l-industrija, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji, biex tindirizza r-RAM fil-batterji, il-fungi u parassiti. Attenzjoni speċjali se tingħata għal-lista prijoritarja tal-patoġeni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll għat-tuberkolożi, għall-HIV/AIDS, għall-malarja u għall-mard infettiv li s’issa ma ngħatax biżżejjed attenzjoni.
  • L-isforzi se jiffukaw fuq it-titjib tal-għarfien dwar is-sorveljanza effettiva tal-kontroll tal-infezzjonijiet, inkluża dijanjostika ġdida, u l-iżvilupp ta’ terapiji u vaċċini ġodda jew alternattivi.

It-tiswir tal-aġenda globali

  • Fid-dinja interkonnessa tal-lum, in-nies u l-prodotti jiċċaqalqu ħafna u l-politiki implimentati f’reġjun wieħed tad-dinja jista’ jkollhom impatt importanti xi mkien ieħor.
  • L-UE taħdem mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li qablet mal-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar ir-RAM, il-pjan ta’ azzjoni globali għall-attivitajiet tar-RAM. L-interventi tal-UE fil-livell globali ġew rikonoxxuti li kellhom impatti pożittivi fl-evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2011. Sforz kontinwu huwa neċessarju u dan se jieħu l-għamla ta’:

SFOND

Ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM) hija theddida li qiegħda tikber u li hija responsabbli għal 25,000 mewta u telfien ta’ EUR 1.5 biljun fl-UE kull sena. Il-livellitar-RAM qed jiżdiedu b’rata iżjed mgħaġġla f’livell globali minħabba:

  • l-użu frekwenti żżejjed u ħażin tal-antimikrobiċi fil-mediċina kemm umana kif ukoll veterinarja;
  • in-nuqqas ta’ mediċini antimikrobiċi ġodda disponibbli jew fl-iżvilupp ippjanat biex jilqa’ għal mikrobi reżistenti ġodda;
  • Prattiki ħżiena ta’ iġjene u miżuri ta’ prevenzjoni insuffiċjenti kontra l-infezzjonijiet.

Biż-żieda tar-RAM, hemm riskju li ħafna mill-avvanzi mediċi tal-aħħar seklu jintilfu. Jekk mhijiex se tittieħed azzjoni biex jitnaqqas l-itfaċċar tar-RAM, biex tiżdied il-provvista ta’ antimikrobiċi ġodda u biex jitjieb l-għarfien kullimkien, l-impatt se jinħass f’livelli fundamentali, fis-soċjetajiet u s-sistemi tal-kura tas-saħħa kollha.

TERMINI EWLENIN

Reżistenza għall-antimikrobiċi: l-abbiltà ta’ mikroorganiżmi, li jsiru dejjem iżjed reżistenti għal xi antimikrobiku li qabel kienu suxxettibbli għalih. Ir-RAM hija konsegwenza tas-selezzjoni naturali u tal-mutazzjoni ġenerika.
Antimikrobiċi: sustanzi li jinibixxu t-tkabbir ta’ mikroorganiżmi bħal batterji, viruses u fungi. Dawn jinkludu antibijotiċi, antivirali, antifungali u antiprotożoali.
Valur miżjud tal-UE: valur li huwa addizzjonali għall-valur maħluq mill-azzjonijiet ta’ pajjiżi individwali tal-UE. Dan jista’ jirriżulta, pereżempju, mill-gwadanji ta’ koordinazzjoni, effettività jew komplimentaritajiet akbar.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsil u lill-Parlament Ewropew – Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM) (COM(2017) 339 final, 29.6.2017)

DOKUMENTI RELATATI

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-passi li jmiss fil-qafas ta’ approċċ ta Saħħa Waħda biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi (ĠU C 269, 23.7.2016, pp. 26-30)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Rapport ta’ sinopsis li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew — Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM) (SWD(2017) 240 final, 29.6.2017)

l-aħħar aġġornament 25.01.2018

Top