Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Importazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina tal-plastik miċ-Ċina

Importazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina tal-plastik miċ-Ċina

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 284/2011 — kundizzjonijiet u proċeduri għall-importazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi miċ-Ċina u Ħong Kong

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi għall-importazzjoni fl-UE ta’ oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastik tal-makromolekula poliammid u melamina li joriġinaw jew li jintbagħtu miċ-Ċina jew minn Ħong Kong.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet għall-importazzjoni

  • L-awtorità kompetenti fl-ewwel punt ta’ dħul fl-UE għandha twettaq kontrolli dokumentarji fuq il-kunsinni kollha u kontrolli tal-identità u fiżiċi fuq 10 % tal-kunsinni. Huwa biss wara dan li l-prodotti jistgħu jiġu rilaxxati fis-suq.
  • Sabiex juri l-konformità u jiffaċilita l-kontrolli, importatur għandu jissottometti dikjarazzjoni għal kull kunsinna lill-awtorità nazzjonali kompetenti. Din tikkonferma li l-kunsinna tissodisfa r-rekwiżiti li jikkonċernaw ir-rilaxx tal-komposti organiċi ammini aromatiċi primarji u formaldeid. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi rapport ta’ laboratorju li juri li:
    • l-oġġetti tal-kċina tal-poliammid ma jirrilaxxawx ammini aromatiċi primarji fl-ikel jew fis-simulanti tal-ikel fi kwantità traċċabbli (il-limitu ta’ detezzjoni għandu jkun 0.01 mg/kg);
    • l-oġġetti tal-kċina tal-melamina ma jirrilaxxawx formaldeid fl-ikel jew fis-simulanti tal-ikel fi kwantità li taqbeż il-15 mg/kg.
  • L-awtorità għandha tlesti l-kontrolli fiżiċi malajr kemm jista’ jkun teknikament fattibbli; minn hemm ’il quddiem it-trasport huwa permess biss meta jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet.
  • L-awtorità għandha tindika fid-dikjarazzjoni jekk l-oġġetti humiex aċċettabbli jew le għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE.
  • Jekk l-analiżi tal-laboratorju tiżvela li kunsinna ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi informata minnufih permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 10/2011 japplika wkoll għal dawn l-oġġetti tal-kċina.

Notifika

  • L-importaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità fl-ewwel punt tad-dħul fl-UE mill-inqas jumejn tax-xogħol bil-quddiem tad-data u l-ħin stmat tal-wasla fiżika tal-kunsinni tagħhom.
  • Jekk pajjiż tal-UE jiddeżinja l-ewwel punti tad-dħul speċifiċi, lista aġġornata ta’ dawn għandha tiġi ppubblikata online u l-indirizz tal-internet għandu jintbagħat lill-Kummissjoni.
  • Link għal-listi nazzjonali tal-ewwel punti tad-dħul hija murija fuq is-sit web tal-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Rapportar

  • L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw:
    • il-pajjiż ta’ oriġini tal-kunsinna,
    • in-numru tas-serje tal-prodotti f’kull kunsinna,
    • in-numru ta’ kunsinni kkontrollati,
    • ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa.
  • Rapport b’din l-informazzjoni għandu jintbagħat lill-Kummissjoni kull tliet xhur.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika sa mill-1 ta’ Lulju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2011 tat-22 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi u proċeduri ddettaljati għall-importazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi poliammid u melammina li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Ħong Kong, iċ-Ċina (ĠU L 77, 23.3.2011, pp. 25-29)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni konsolidata

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, pp. 1-89)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 10/2011 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, pp. 1–141).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Linji gwida tal-UE għall-importazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina tal-poliamid u l-melamina miċ-Ċina u Ħong Kong

Linji gwida tekniċi dwar oġġetti tal-kċina tal-poliammid u l-melamina inklużi l-metodi ta’ kampjunar u analitiċi

l-aħħar aġġornament 11.11.2017

Top