EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ekonomiku u kummerċjali bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea

Ftehim ekonomiku u kummerċjali bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni (UE) 2017/37 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/38 - l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-FTEHIM?

  • Id-deċiżjonijiet ikopru l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE (CETA).
  • Il-ftehim huwa mfassal sabiex jappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ aċċess imtejjeb għas-suq ta’ oġġetti, servizzi u investimenti. Dan jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kummerċ għal dawk involuti fin-negozju. Għandu l-potenzjal li jżomm il-prezzijiet baxxi u jipprovdi lill-konsumaturi b’għażla akbar ta’ prodotti ta’ kwalità, filwaqt li jirrispetta l-istandards u r-regoli dwar is-sigurtà tal-ikel u prodotti, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa, l-ambjent, l-istandards soċjali u tax-xogħol, eċċ.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jibda bi preambolu li jistabbilixxi r-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-ftehim u l-impenji tal-partijiet lejn dawn l-għanijiet. Dan huwa segwit bi 30 kapitolu, 3 protokolli u aktar minn 1 000 paġna ta’ annessi.

Kapitolu 1: Definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-kapitolu jispjega t-termini użati fil-ftehim sabiex is-sħab Kanadiżi u Ewropej ikun jista’ jkollhom fehim komuni tal-lingwa użata fil-ftehim.

Kapitolu 2: Trattament nazzjonali u aċċess għas-suq għall-oġġetti

  • CETA ser ineħħi l-maġġoranza tad-dazji, taxxi jew miżati oħra ta’ importazzjoni fuq l-oġġetti nnegozjati bejn l-UE u l-Kanada jew meta l-ftehim jidħol fis-seħħ, jew b’mod aktar gradwali. Il-partijiet jaqblu li jittrattaw l-oġġetti li jimpurtaw minn xulxin b’mod mhux anqas favorevoli mill-oġġetti prodotti lokalment.
  • Huwa jiddeskrivi wkoll ċerti restrizzjonijiet u kontrolli li CETA ser jimplimenta jew iżomm implimentati, bħall-protezzjoni tad-drittijiet taż-żewġ partijiet bħala membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew l-iżgurar tal-oriġini tal-oġġetti li jimpurtaw.

Kapitolu 3: Rimedji għall-kummerċ

  • Is-sħab jikkonfermaw id-drittijiet u l-impenji tagħhom skont ir-regoli tad-WTO. Il-membri tad-WTO jistgħu jiġġieldu l-effetti negattivi ta’ prattiki kummerċjali żleali fuq l-industrija domestika jekk, pereżempju, pajjiż membru ieħor jagħmel “dumping” ta’ oġġetti fis-suq tiegħu bil-kost tal-produzzjoni tagħhom aktar baxx, jew jissussidja l-produzzjoni ta’ dawk l-oġġetti.
  • Il-kapitolu jinkludi wkoll:
    • regoli dwar it-trasparenza inkluż
      • investigazzjonijiet f’każijiet possibbli ta’ prattiċi kummerċjali żleali,
      • miżuri meħudin biex dawn jingħelbu;
    • mekkaniżmi għall-konsultazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex jiġu evitati tali prattiki.

Kapitolu 4: Ostakli tekniċi għall-kummerċ

  • Is-sħab jikkommettu ruħhom li jaħdmu aktar mill-qrib flimkien fir-rigward ta’ regolamenti tekniċi dwar prodotti ta’ ttestjar u ta’ ċertifikazzjoni. L-għan huwa li r-regolaturi jkunu jistgħu:
    • jikkondividu esperjenza u informazzjoni;
    • jidentifikaw oqsma fejn ikunu jistgħu jikkooperaw aktar mill-qrib.
  • Il-kooperazzjoni hija volontarja. L-ebda parti mhija furzata sabiex tbaxxi l-istandards.

Kapitolu 5: Azzjoni miftiehma fuq kwistjonijiet sanitarji u tas-saħħa tal-pjanti (SPS)

  • Mill-1998, l-UE u l-Kanada kellhom Ftehim Veterinarju fis-seħħ. Dan japplika għall-annimali u għal kwalunkwe prodott b’komponenti ta’ oriġini mill-annimali. Skont CETA, il-kapitolu SPS jissostitwixxi l-Ftehim Veterinarju, iżda l-ħidma li seħħet skont dak il-ftehim tkompli.
  • Il-miżuri minn kwalunkwe wieħed mill-isħab sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti m’għandhomx joħolqu ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ, iżda pjuttost biex jiffaċilitaw il-kummerċ.

Kapitolu 6: Faċilitazzjoni tad-dwana u l-kummerċ

Dan il-kapitolu huwa mfassal sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tad-dwana u jsiru aktar effiċjenti. Dan jiżgura:

  • trasparenza — eż. li r-rekwiżiti doganali jsiru pubbliċi, u li tingħata l-informazzjoni onlajn;
  • proċeduri ssimplifikati u bbażati fuq ir-riskju — eż. ġestjoni tar-riskju u pproċessar qabel il-wasla minflok li kull vjeġġ offrut għad-dħul jintalab biex jiġi eżaminat;
  • ċertezza u prevedibbiltà — eż. proċess tal-appelli trasparenti u effiċjenti, deċiżjonijiet bil-quddiem affidabbli dwar il-klassifikazzjonijiet tariffarji.

Kapitolu 7: Sussidji

  • Il-partijiet għandhom
    • jinnotifikaw lil xulxin jekk huma jissussidjaw il-produzzjoni tal-oġġetti;
    • jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar kwalunkwe sussidju li jagħtu lill-kumpaniji li jipprovdu servizzi, jekk il-parti l-oħra titlob tali informazzjoni.
  • Ġie stabbilit ukoll mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet jikkonsultaw lil xulxin dwar sussidji li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-kummerċ bejniethom, u li jsibu soluzzjonijiet jekk sussidju jinstab li jagħmel dan. Il-partijiet jaqblu wkoll li ma jissussidjawx esportazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli għas-swieq ta’ xulxin.

Kapitolu 8: Investiment

  • Dan il-kapitolu jistabbilixxi miżuri mfassla sabiex jinfetaħ l-investiment bejn il-partijiet u għall-protezzjoni tal-investituri u sabiex jiġi żgurat li l-gvernijiet jittrattawhom b’mod ġust.
  • Dan:
    • ineħħi l-ostakli għall-investiment barrani, bħal-limiti ta’ ekwità barranija jew rekwiżiti ta’ prestazzjoni;
    • jippermetti lill-investituri tal-UE jittrasferixxu l-kapital tagħhom fil-Kanada lura lejn l-UE, u viċi versa;
    • jimplimenta regoli trasparenti, stabbli u prevedibbli li jirregolaw l-investiment;
    • jiggarantixxi li l-gvernijiet ser jittrattaw lill-investituri barranin b’mod ġust;
    • jistabbilixxi Sistema ta’ Qorti tal-Investiment (ICS) ġdida sabiex l-investituri jkunu jistgħu jsolvu t-tilwim tal-investiment ma’ gvernijiet malajr u b’mod ġust;
    • jikkonferma d-dritt għar-regolamentazzjoni fil-livelli kollha ta’ gvern.

Kapitolu 9: Kummerċ transkonfinali fis-servizzi

  • Dan il-kapitolu jagħmilha aktar faċli għall-individwi u kumpaniji sabiex jipprovdu servizzi lill-konsumaturi Kanadiżi, u viċi versa. Huwa jkopri:
    • servizzi bħal servizzi legali, kontabilità, servizzi tat-trasport u telekomunikazzjonijiet;
    • servizzi bħat-turiżmu fejn konsumatur Kanadiż għandu jiċċaqlaq fiżikament mill-Kanada lejn l-UE sabiex jikkonsma dak is-servizz, u viċi versa.
  • Il-partijiet għandhom jikkommettu ruħhom sabiex jiżguraw aċċess ġust u ugwali għas-swieq ta’ servizzi ta’ xulxin.
  • F’ċerti setturi tas-servizz, il-partijiet għamlu eċċezzjonijiet għaliex, pereżempju, is-servizzi inkwistjoni- servizzi awdjoviżivi, ċerti servizzi ta’ avjazzjoni — huma sensittivi. Il-ftehim jappoġġja bis-sħiħ il-kapaċità tal-gvernijiet sabiex jirregolaw u jipprovdu s-servizzi fl-interess pubbliku.

Kapitolu 10: Dħul temporanju u permanenza ta’ ħaddiema fi ħdan il-fruntieri tal-pajjiż l-ieħor jew il-blokk tal-kummerċ

Dan il-kapitolu jipprovdi ċertezza legali għall-ħaddiema mħarrġa li temporanjament jidħlu fl-UE jew fil-Kanada biex jagħmlu n-negozju. Huwa jiddikjara:

  • it-tipi ta’ professjonisti koperti, u s-setturi li fihom jistgħu joperaw;
  • it-tul massimu tal-permanenza tagħhom;
  • li l-professjonisti tal-UE ser igawdu minn trattament ugwali fil-Kanada u viċi versa.

Kapitolu 11: Rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali

Dan il-kapitolu joħloq arranġamenti li jippermettu lill-Kanada tirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fl-UE, u viċi versa. Il-ftehim:

  • jippermetti lill-professjonisti miż-żewġ partijiet tal-Atlantiku sabiex jipprattikaw fit-territorju ta’ xulxin;
  • iħalli f’idejn l-awtoritajiet rilevanti jew korpi professjonali fl-UE u fil-Kanada sabiex jinnegozjaw proposta dwar rikonoxximent reċiproku li mbagħad jista’ jiġi integrat f’CETA.

Kapitolu 12: Regolament domestiku

  • Sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti domestiċi f’kull territorju ma jaġixxux bħala ostaklu żleali għall-kummerċ, ir-regolamenti kollha adottati għandhom ikunu disponibbli b’mod pubbliku, jinftiehmu faċilment u jkunu raġjonevoli.
  • F’xi każijiet, l-awtoritajiet fl-UE jew fil-Kanada jistgħu jagħtu liċenzja lil kumpanija jew lil individwu sabiex ifornu servizz jew ifittxu attività ekonomika partikolari. F’każijiet oħra, huma jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ kwalifika.
  • Hemm eċċezzjonijiet għal xi oqsma tar-regolament, bħad-distribuzzjoni tal-ilma jew servizzi pubbliċi oħra.

Kapitolu 13: Servizzi finanzjarji

  • Dan il-kapitolu jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lill-investituri fl-UE u l-Kanada sabiex jibbenefikaw minn aċċess ġust u ugwali għas-swieq ta’ xulxin. Ċerti kundizzjonijiet japplikaw, u r-regoli jikkonformaw għalkollox mal-istandards prudenzjali u regolatorji fis-seħħ fl-UE u fil-Kanada. Barra minn hekk, id-ditti tas-servizzi finanzjarji jistgħu joffru biss is-servizzi tagħhom lill-parti l-oħra f’numru limitat ta’ setturi, bħal ċerti servizzi tal-assigurazzjoni u bankarji.
  • Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji ser jgħin lill-partijiet jissorveljaw u jirregolaw is-settur. Huma permessi li jipproteġu s-sigurtà u l-integrità tas-sistemi finanzjarji rispettivi tagħhom. Oqsma bħall-pensjonijiet u s-sigurtà soċjali huma esklużi.

Kapitolu 14: Servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali

Dan il-kapitolu:

  • jistabbilixxi regoli dwar is-suq tat-trasport marittimu bejn il-partijiet;
  • jinkludi miżuri sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u ugwali għall-portijiet u għas-servizzi tal-port għall-bastimenti kummerċjali;
  • jipprovdi definizzjonijiet sabiex l-impenji tal-partijiet huma ċari.

Kapitolu 15: Telekomunikazzjonijiet

Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħtu lin-negozji ta’ xulxin aċċess ġust u ugwali għan-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi. Ir-regoli jikkonfermaw id-dritt tal-konsumaturi sabiex:

  • iżommu n-numru tagħhom meta jibdlu l-fornituri;
  • jirċievu s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet f’żoni remoti.

Kapitolu 16: Kummerċ elettroniku

  • Dan il-kapitolu jkopri kwalunkwe negozju li jsir b’mod elettroniku (eż. xiri onlajn)
  • Dan jinkludi regoli sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni personali fuq l-internet tinżamm protetta u li s-servizzi onlajn mhux ser jinkludu dazji doganali;
  • Il-partijiet iwiegħdu li jikkooperaw fuq kwistjonijiet relatati mal-kummerċ elettroniku, pereżempju fuq il-ġlieda kontra l-ispam.

Kapitolu 17: Il-politika tal-kompetizzjoni

Il-partijiet jaqblu li

  • jipprojbixxu u jissanzjonaw prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ (kartelli, abbuż ta’ pożizzjoni tas-suq dominanti jew fużjonijiet mhux kompetittivi);
  • jirrispettaw ir-regoli sabiex jiżguraw li jaġixxu b’mod ġust u trasparenti meta japplikaw il-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom u jfittxu investigazzjonijiet fil-kumpaniji li jista’ jkun qed tiksirhom;
  • jirrikonoxxu l-importanza ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni rispettivi tagħhom.

Kapitolu 18: Kumpaniji tal-Istat, monopolji u intrapriżi mogħtija drittijiet speċjali jew privileġġi

  • Il-partijiet jaqblu li ma jintervjenux fi jew potenzjalment ifixklu l-kompetizzjoni għall-kumpaniji privati. Iż-żewġ partijiet ser jiżguraw li intrarpriżi tal-istat, monopolji, u intrapriżi mogħtija drittijiet speċjali mhux ser jiddiskriminaw kontra oġġetti, servizzi, jew investimenti mill-parti l-oħra.
  • Dan jiżgura li l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji privati u dawk tal-istat mhux ser jintlaqtu b’mod negattiv. Ir-regoli jiżguraw li ż-żewġ partijiet għandhom il-libertà sħiħa ta’ għażla bil-mod li huma jipprovdu servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini tagħhom.

Kapitolu 19: Akkwist mill-Gvern

Dan il-kapitolu jispeċifika l-oqsma fejn in-negozji tal-UE u Kanadiżi jistgħu jipprovdu oġġetti u servizzi għall-gvernijiet ta’ xulxin, f’kull livell ta’ gvern — nazzjonali, reġjonali u provinċjali, u lokali. Sabiex dan iseħħ, in-negozji għandhom jissodisfaw regoli speċifiċi dwar:

  • il-valur tal-oġġetti, servizzi jew kuntratt involut;
  • min hu l-konsumatur;
  • l-oġġetti u s-servizzi li huma permessi (fl-appendiċi).

Kapitolu 20: Proprjetà intellettwali

Dan il-kapitolu:

  • jibni fuq liġijiet internazzjonali eżistenti dwar il-proprjetà intellettwali (IP) sabiex jiġu żviluppati regolamenti u standards li huma konsistenti bejn il-partijiet;
  • jiddeskrivi l-proċeduri għall-protezzjoni kontra l-ksur tal-IP;
  • jiddefinixxi oqsma fejn iż-żewġ partijiet jistgħu jikkooperaw aktar.

Kapitolu 21: Kooperazzjoni regolatorja

  • Dan il-kapitolu:
    • jibni fuq ftehim eżistenti bejn il-partijiet fuq koperazzjoni regolatorja;
    • jinkoraġġixxi lir-regolaturi sabiex jiskambjaw esperjenzi u informazzjoni, u jidentifikaw oqsma fejn huma jistgħu jikkooperaw.
  • Il-kooperazzjoni kollha hija volontarja u r-regolaturi fl-UE u fil-Kanada jżommu s-setgħat rispettivi tagħhom sabiex jadottaw leġiżlazzjoni.

Kapitolu 22: Kummerċ u żvilupp sostenibbli

F’dan il-kapitolu, il-partijiet:

  • jirrikonoxxu li t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-protezzjoni ambjentali huma marbutin ma’ xulxin;
  • jaqblu sabiex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jappoġġja l-għanijiet soċjali u ambjentali tagħhom;
  • joħolqu Kumitat Konġunt dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;
  • jikkommettu ruħhom sabiex jippromwovu forums ma’ gruppi ta’ interess.

Kapitolu 23: Kummerċ u xogħol

  • Is-sħab jikkommettu ruħhom sabiex jirrispettaw l-istandards tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u sabiex jirratifikaw u jimplimentaw konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO.
  • Il-kapitolu:
    • jipproteġi d-dritt ta’ kull parti sabiex jiġu rregolati l-kwistjonijiet tax-xogħol;
    • jipprevjeni lil kull parti milli tinjora jew tbaxxi l-istandards tax-xogħol sabiex il-kummerċ jingħata spinta;
    • jiżgura li organizzazzjonijiet mhux governattivi huma involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli f’dan il-kapitolu;
    • jippromwovi l-kooperazzjoni mal-ILO;
    • jistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ naħat ipoġġu r-regoli tal-kapitolu fil-prattika (mekkaniżmu ta’ infurzar).

Kapitolu 24: Kummerċ u ambjent

  • Il-partijiet jaqblu li jpoġġu l-ftehimiet ambjentali internazzjonali fil-prattika.
  • Il-ftehim:
    • jipproteġi d-dritt ta’ xulxin li jirregolaw kwistjonijiet ambjentali;
    • jitlob lil kull parti tinforza l-liġijiet ambjentali domestiċi tagħha;
    • jipprevjeni lil kull parti milli trattab il-liġijiet tagħha sabiex il-kummerċ jingħata spinta;
    • iħeġġeġ il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u s-sajd;
    • jiżgura l-involviment ta’ gruppi mhux governattivi.

Kapitolu 25: Djalogi bilaterali u kooperazzjoni

  • Il-partijiet jaqblu li jaħdmu aktar mill-qrib fuq oqsma bħax-xjenza u l-forestrija.
  • Ftehimiet eżistenti dwar id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi huma inkorporati fis-CETA sabiex b’hekk, l-attivitajiet kollha tali jkollhom l-istess bażi.

Kapitolu 26: Miżuri amministrattivi u istituzzjonali

Dan il-kapitolu jkopri kif il-partijiet jorganizzaw il-kumitati differenti li l-ftehim jistabbilixxi sabiex jiġġestixxi u japplika CETA, u n-natura legali tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Kapitolu 27: Trasparenza

Il-partijiet jaqblu li:

  • jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, il-proċeduri u d-deċiżjonijiet amministrattivi dwar kwistjonijiet li jkopri s-CETA u jagħmlu dawn disponibbli għal dawk li huma kkonċernati;
  • jikkondividu minnufih informazzjoni u jwieġbu mistoqsijiet dwar miżuri li jaffettwaw il-mod li jimplimentaw is-CETA;
  • jikkooperaw f’korpi internazzjonali sabiex tiġi promossa t-trasparenza f’kummerċ u investiment internazzjonali.

Kapitolu 28: Eċċezzjonijiet

Il-partijiet għandhom id-dritt li jeskludu ċerti oqsma, jew minn kapitoli speċifiċi ta’ CETA, jew mill-ftehim kollu, għal varjetà ta’ raġunijiet (eż. li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika, li tiġi impeduta l-evażjoni tat-taxxa jew li tiġi promossa l-identità kulturali).

Kapitolu 29: Solvien għat-tilwim

  • Dan il-kapitolu jipprovdi sistema għas-solvien tat-tilwim bejn il-partijiet dwar il-mod li bih huma japplikaw jew jinterpretaw CETA. Jekk jirriżultaw xi differenzi, iż-2 partijiet għandhom l-ewwel jikkomunikaw b’mod ċar u minnufih ma’ xulxin sabiex jippruvaw isolvuhom malajr. Huma għandhom ukoll jikkonsultaw esperti fuq il-kwistjoni. Jekk biss dawn l-isforzi ma jagħtux frott, huma jistgħu jirrikorru għall-proċedura formali stabbilita f’dan il-kapitolu.
  • Dan jistabbilixxi wkoll il-proċeduri li ż-żewġ partijiet għandhom isegwu sabiex jissolva tilwim formali. Dan jagħtihom l-għażla li jużaw medjatur indipendenti sabiex jiġi ssorveljat il-proċess.

Kapitolu 30: Miżuri finali

Dan il-kapitolu jistabbilixxi regoli dwar id-dħul fis-seħħ tal-ftehim, l-inkorporazzjoni ta’ Stati Membri ġodda tal-UE fil-ftehim ladarba jiġi ffirmat, u l-emendar jew it-tmien tal-ftehim.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET U L-FTEHIM?

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/37 u (UE) 2017/38 ilhom japplikaw mis-28 ta’ Ottubru 2016.

Is-CETA se jkun jista’ jidħol fis-seħħ b’mod sħiħ u definittiv meta l-Istati Membri kollha tal-UE jkunu rratifikaw il-ftehim skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali domestiċi rispettivi tagħhom.

SFOND

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 1-2)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 1080-1081)

Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, pp. 23-1079)

DOKUMENTI RELATATI

Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 238, 16.9.2017, pp. 9-1081)

Avviż dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika (SPA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (ĠU L 89, 1.4.2017, p. 1)

l-aħħar aġġornament 09.09.2021

Top