Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-isfruttament tal-potenzjal għall-mHealth (saħħa mobbli) fl-UE

L-isfruttament tal-potenzjal għall-mHealth (saħħa mobbli) fl-UE

Il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mHealth), li tħabbret fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa-e 2012-2020, nediet konsultazzjoni pubblika dwar din it-teknoloġija emerġenti u li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, li tappoġġa l-prattika medika u tas-saħħa pubblika permezz ta’ apparat mobbli.

ATT

Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mobile health - mHealth) (COM(2014) 219 final tal-10.4.2014)

SOMMARJU

Il-Green Paper dwar is-saħħa mobbli (mHealth), li tħabbret fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa-e 2012-2020, nediet konsultazzjoni pubblika dwar din it-teknoloġija emerġenti u li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, li tappoġġa l-prattika medika u tas-saħħa pubblika permezz ta’ apparat mobbli.

L-mHealth tista’ tgħin biex tittrasforma l-kura tas-saħħa u ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tagħha. Din tinkludi:

  • applikazzjonijiet (apps) li jaqbdu ma’ apparat mediku jew sensers (eż. brazzuletti, arloġġi);
  • sistemi ta’ gwida personali;
  • tfakkir rigward informazzjoni b'rabta mas-saħħa li jintbagħat permezz ta’ sms;
  • it-telemediċina pprovduta mingħajr fili.

Il-konsultazzjoni laqgħet kummenti dwar is-saħħa mobbli minn firxa ta’ partijiet interessati,bħal:

  • awtoritajiet reġjonali u nazzjonali;
  • professjonisti u assoċjazzjonijiet fil-kura tas-saħħa;
  • konsumaturi u utenti ta’ apps tal-mHealth;
  • żviluppaturi tal-apps u manifatturi ta’ apparat mobbli;
  • kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Wara li enfasizzat il-benefiċċji u l-potenzjal tal-mHealth, inklużi s-swieq globali enormi, il-konsultazzjoni fittxet opinjonijiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-ostakoli u l-kwistjonijiet relatati mal-użu aktar mifrux tal-mHealth fl-Ewropa.

Kwistjonijiet tal-mHealth

  • il-protezzjoni tad-dejta (eż. is-sigurtà tad-dejta personali dwar is-saħħa);
  • big data (il-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta’ bażijiet ta’ dejta tas-saħħa kbar / konformità mar-rekwiżiti legali/etiċi);
  • in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-liġijiet tal-UE attwalment applikabbli għall-mHealth;
  • is-sikurezza tal-pazjent u t-trasparenza tal-informazzjoni;
  • l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet u l-apparat tal-mHealth;
  • mudelli ta’ rimborż (għall-pazjenti li jużaw l-mHealth);
  • ir-responsabbiltà (min ser ikun responsabbli għall-pazjenti li jġarrbu dannu minħabba soluzzjonijiet tal-mHealth);
  • ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-mHealth;
  • il-kooperazzjoni internazzjonali (ftehimiet ta’ appoġġ, eż. MtQ bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Saħħa-e/IT dwar is-Saħħa);
  • is-suq tal-mHealth (kif għandu jiġi appoġġat fl-UE).

Iż-żieda fil-popolarità tal-mHealth

Madwar 100 000 app tal-mHealth - li jkopru, pereżempju, l-isport, il-kapaċità fiżika u s-saħħa - huma disponibbli biex jintużaw fuq diversi pjattaformi mobbli. Sal-2017, huwa stmat li 3.4 biljun persuna madwar id-dinja ser ikollha smartphone u nofshom ser jużaw l-apps tal-mHealth. Jekk il-potenzjal tiegħu jiġi sfruttat bis-sħiħ fl-2017, l-mHealth jista’ jiffranka lill-UE EUR 99 biljun fi spejjeż relatati mal-kura tas-saħħa.

Il-konsultazzjoni pubblika saret mill-10 ta’ April sal-10 ta’ Lulju 2014. Il-Kummissjoni Ewropea ser tippubblika s-sommarju tat-tweġibiet lejn it-tmiem tal-2014. Dawn huma mistennija li jinfluwenzaw l-azzjonijiet ta’ politika tal-UE dwar l-mHealth fl-2015 kif ukoll il-programmi ta’ finanzjament bħal Orizzont 2020.

Il-Green Paper hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-qafas legali tal-UE applikabbli għall-apps dwar l-istil ta’ ħajja u l-benesseri.

ATTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-qafas legali tal-UE applikabbli għall-apps dwar l-istil ta’ħajja u l-benesseri: Akkumpanjament għall-GREEN PAPER dwar is-saħħa mobbli (mobile health - mHealth) (SWD(2014) 135 final tal-10.4.2014).

03.11.2014

Top