EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji minn kampijiet elettromanjetiċi (minn Lulju 2016)

Il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji minn kampijiet elettromanjetiċi (minn Lulju 2016)

Id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u sigurtà dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji minn kampijiet elettromanjetiċi.

ATT

Id-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE.

SOMMARJU

Il-leġiżlazzjoni hija direttiva individwali taħt id-Direttiva ta’ qafas 89/391/KEE. Hija tintroduċi miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Hija tissostitwixxi d-Direttiva tal-2004 (2004/40/KE), li baqgħet qatt ma daħlet fis-seħħ minħabba problemi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, speċjalment fis-settur mediku.

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tipprovdi miżuri li jipproteġu lill-ħaddiema mill-effetti negattivi diretti u indiretti kollha magħrufa għas-saħħa fuq perjodu ta’ żmien qasir ikkawżati mill-kampijiet elettromanjetiċi. Hija ma tindirizzax l-effetti potenzjali fit-tul, iżda jekk tiġi ppreżentata evidenza xjentifika stabbilita sewwa dwar tali effetti, il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra x’azzjoni għandha tiġi rrakkomandata.

Il-miżuri jipprovdu bażi minima ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kollha fl-UE u jħallu lill-pajjiżi membri liberi li jżommu jew jistabbilixxu rekwiżiti aktar stretti. Huma għandhom jittrasponu d-Direttiva fis-sistema legali nazzjonali tagħhom sal-1 ta’ Lulju 2016.

Definizzjonijiet

Il-leġiżlazzjoni tkopri l-effetti bijofiżiċi diretti. Dawn jitfaċċaw fil-ġisem tal-bniedem bħala riżultat dirett tal-preżenza tiegħu f’kamp elettromanjetiku. Dawn jinkludu effetti termali, bħal tisħin tat-tessuti, kif ukoll effetti mhux termali, bħall-istimulazzjoni tal-muskoli, tan-nervituri jew ta’ organi sensorji.

Fl-effetti indiretti hija tinkludi dawk li jiġu kkawżati mill-preżenza ta’ oġġett, bħal pacemakers kardijaċi u impjanti oħrajn, f’kamp elettromanjetiku u li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà.

Id-direttiva tistabbilixxi valuri ta’ limitu għall-espożizzjoni, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet bijofiżiċi u bijoloġiċi, sabiex il-ħaddiema jiġu protetti minn effetti sensorji u negattivi għas-saħħa. Hija tinkludi wkoll livelli ta’ azzjoni maħsuba biex jidentifikaw meta għandhom jittieħdu l-miżuri rilevanti ta’ protezzjoni jew prevenzjoni.

Obbligi fuq dawk li jħaddmu

Id-Direttiva tistabbilixxi diversi obbligi fuq dawk li jħaddmu. Huma għandhom jiżguraw li l-espożizzjoni tal-impjegati għall-kampijiet elettromanjetiċi tibqa’ fil-limiti stabbiliti mid-Direttiva. Jekk dawn il-limiti jinqabżu, huma għandhom jieħdu azzjoni preventiva immedjata. Madankollu, jeżistu eżenzjonijiet li permezz tagħhom il-livelli jistgħu jinqabżu taħt ċerti kondizzjonijiet stretti ħafna.

B’mod ġenerali, dawk li jħaddmu għandhom jiżguraw li r-riskji minn kampijiet elettromanjetiċi fuq il-post tax-xogħol jiġu eliminati jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli. Il-valutazzjonijiet regolari tar-riskji u tal-espożizzjoni, kif ukoll l-użu ta’ gwidi prattiċi, jistgħu jgħinu għall-iżgurar ta’ dan.

Meta jiġu identifikati riskji għas-saħħa tal-ħaddiema, dawk li jħaddmu għandu jkollhom pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri ta’ protezzjoni u prevenzjoni. Dan jista’ jinkludi miżuri tekniċi u/jew organizzazzjonali, b’mod partikolari għall-ħaddiema f’riskju partikolari.

Il-leġiżlazzjoni titlob ukoll li jsir monitoraġġ tas-saħħa għall-prevenzjoni, jew għad-dijanjożi minn kmieni, ta’ kwalunkwe effetti negattivi għas-saħħa. Jekk tiġi osservata espożizzjoni eċċessiva, dawk li jħaddmu għandhom jipprovdu eżamijiet mediċi xierqa jew monitoraġġ tas-saħħa individwali b’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2013/35/UE

29.6.2013

1.7.2016

ĠU L 179 tad-29.06.2013, p 1-21

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 183 tad-29.6.1989, p. 1-8).

16.10.2014

Top