Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura fis-sistemi tas-saħħa pubblika tal-UE

Is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura fis-sistemi tas-saħħa pubblika tal-UE

L-Unjoni Ewropea (UE) hija responsabbli sabiex tiżgura livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha. Hija mistennija li tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika, jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex iħarsu s-saħħa pubblika.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza antimikrobika (2014/C 438/05) (ĠU C 438, 6.12.2014, p. 7-11)

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) hija responsabbli sabiex tiżgura livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha. Hija mistennija li tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika, jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex iħarsu s-saħħa pubblika.

X’JAGĦMLU DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET?

Dawn jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sabiex:

  • Jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 151/01 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,
  • Jimplimentaw linji gwida, rakkomandazzjonijiet u prattiki tajba dwar is-sikurezza tal-pazjenti,
  • Jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ persunal fil-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza tal-pazjenti u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,
  • Iħeġġu lill-organizzazzjonijiet mediċi jippromwovu kultura ta’ sikurezza tal-pazjenti,
  • Jiżviluppaw miżuri biex jippermettu rappurtar li ma jagħtix tort mill-professjonisti tas-saħħa jew il-pazjenti,
  • Iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-pazjenti, il-familji u dawk li jagħtu l-kura b’mod informali u l-għoti tas-setgħa lilhom,
  • Isaħħu miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet,
  • Jiżviluppaw linji gwida professjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi,
  • Jiddedikaw attenzjoni speċjali lir-reżistenza antimikrobika (il-fatt li l-mikroorganiżmi li jikkawżaw l-infezzjonijiet ikunu bnew reżistenza minħabba l-użu żejjed jew ħażin tal-antibijotiċi).

L-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni flimkien għandhom, fost affarijiet oħrajn:

  • Jippromwovu l-ġbir ta’ informazzjoni dwar reazzjonijiet tas-saħħa avversi;
  • Jiżviluppaw gwida tal-UE għall-involviment tal-pazjenti u ċ-ċittadini (eż. informazzjoni dwar drittijiet tal-pazjenti, standards ta’ sikurezza, proċeduri ta’ lment u rimedji disponibbli),
  • Isaħħu u jikkoordinaw ir-riċerka dwar ir-reżistenza antimikrobika, inkluża l-kooperazzjoni bejn is-setturi tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali,
  • Sa Diċembru 2016 jiffinalizzaw miżuri għal kollaborazzjoni sostenibbli tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura.

Barra minn hekk, pakkett ta’ sikurezza tal-pazjenti jenfasizza kif l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni qed jindirizzaw is-sikurezza tal-pazjenti. Input dwar id-diversi politiki jiġi wkoll mill-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura.

SFOND

Madwar 3.2 miljun pazjent kull sena fl-UE jsofru minn xi forma ta’ reazzjoni avversa meta jirċievu trattament mediku. Dawn jiġu minn infezzjonijiet tal-kura tas-saħħa, żbalji mediċi jew kirurġiċi, ħsara f’apparat mediku jew dijanjożi żbaljata. Huwa stmat li 20 % sa 30 % minn dawn jistgħu jiġu evitati.

Għal aktar informazzjoni, ara Is-Sigurtà tal-Pazjent fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

l-aħħar aġġornament 06.08.2015

Top