Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa: Strateġija Ewropea dwar is-saħħa

Il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa: Strateġija Ewropea dwar is-saħħa

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriżi ekomika u l-kura tas-saħħa

X’INHU L-GĦAN TAL-KONKLUŻJONIJIET?

  • Huma jistiednu lill-pajiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Kummissjoni Ewropea, flimkien jew waħedhom, biex jieħdu ċerti miżuri biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa
  • Huma jistabbilixxu firxa ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi u volontarji.

PUNTI PRINĊIPALI

Il-pajjiżi tal-UE huma mistiedna:

  • itejbu l-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli;
  • jiżviluppaw politiki għall-promozzjoni tas-saħħa u għall-prevenzjoni tal-mard biex titnaqqas il-ħtieġa għat-trattament mediku;
  • iqisu modi biex jintegraw aħjar,
    • il-kura fl-isptar ma’ konsiderazzjonijiet usa’ tas-saħħa, bħall-ambjent u l-istil ta’ ħajja u,
    • appoġġ għall-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali, bħal xogħol soċjali u servizzi ta’ kura fid-dar;
  • jippromwovu soluzzjonijiet teknoloġiċi u tas- saħħa elettronika ġodda biex titjieb l-effiċjenza u jiġi kkontrollat l-infiq;
  • jużaw valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa biex jgħinu fit-tfassil tal-politika;
  • jiskambjaw informazzjoni bejniethom dwar is-servizzi u l-istrateġiji tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari dwar prezzijiet affordabbli għall-mediċini u għall-apparat mediku.

Flimkien, il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni huma mistiedna:

  • itejbu l-użu effettiv tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (EFSI) għall-investimenti fis-saħħa f’reġjuni eliġibbli tal-UE;
  • jivvalutaw ir-rwol tal-benefiċċji tal-kura tas-saħħa fit-tnaqqis tal-inugwaljanza fis-settur tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-faqar;
  • issaħħu l-kooperazzjoni fil-kura tas-saħħa transkonfinali, is-saħħa elettronika u valutazzjonijiet dwar it-teknoloġiji tas-saħħa;
  • jikkooperaw fuq modi biex jiġi żgurat li l-pajjiżi jkollhom forzi tax-xogħol tas-saħħa sostenibbli bil-ħiliet meħtieġa biex jiġi ggarantit li l-pazjenti jkollhom aċċess, għall-kura, u s-sigurtà u l-kwalità tal-kura.

Weħidha, il-Kummissjoni hija mistiedna:

  • tiġbor u tiskambja informazzjoni dwar aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa;
  • tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa bejn il-fruntieri nazzjonali;
  • tipprovdi informazzjoni dwar il-kura tas-saħħa disponibbli fis-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

SFOND

Skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-UE għandha d-dmir li meta jiġu mfassla u implimentati l-politiki u l-attivitajiet tal-UE jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Għal aktar informazzjoni dwar investiment fis-saħħa:

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa (2014/C 217/02). (ĠU C 217, tal-10.7.2014, p. 2–6)

l-aħħar aġġornament 07.02.2017

Top