Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Lejn Żona Ewropea tar-Riċerka vibranti

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Lejn Żona Ewropea tar-Riċerka vibranti

Il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ta’ Settembru 2014 hija t-Tieni Rapport ta’ Progress dwar iż-ŻER. Hija tenfasizza l-progress tajjeb li sar mis-sħubija taż-ŻER - il-pajjiżi tal-UE, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-Kummissjoni Ewropea - fit-twaqqif tas-suq uniku għar-riċerka. Hija tinnota wkoll l-isfidi li għandna quddiemna qabel tkun tista’ titlesta ż-ŻER.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka - Rapport ta’ progress tal-2014 (COM(2014) 575 final tal-15.9.2014).

SOMMARJU

Il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ta’ Settembru 2014 hija t-Tieni Rapport ta’ Progress dwar iż-ŻER. Hija tenfasizza l-progress tajjeb li sar mis-sħubija taż-ŻER - il-pajjiżi tal-UE, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-Kummissjoni Ewropea - fit-twaqqif tas-suq uniku għar-riċerka. Hija tinnota wkoll l-isfidi li għandna quddiemna qabel tkun tista’ titlesta ż-ŻER.

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-konklużjoni ewlenija tagħha hija li l-kundizzjonijiet għall-kisba taż-ŻER, fejn ir-riċerkaturi u l-għarfien xjentifiku jistgħu jiċċirkolaw liberament, huma fis-seħħ fil-livell Ewropew. Madankollu, it-tlestija taż-ŻER hija proċess gradwali, għalhekk, jeħtieġ li issa jsiru riformi, primarjament fil-livell tal-pajjiżi, sabiex iż-ŻER tibda titħaddem.

Ir-rapport jikkonferma li issa huma stabbiliti sewwa l-kundizzjonijiet li ġejjin għat-tlestija taż-ŻER, imħabbra fil- Komunikazzjoni dwar iż-ŻER tal-2012:

  • il-pajjiżi tal-UE qegħdin jadottaw dejjem aktar miżuri li jappoġġjaw iż-ŻER u jirriflettuhom fil-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom;
  • l-UE inkludiet iż-ŻER fis-Semestru Ewropew (il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika annwali). Hija tipprovdi wkoll finanzjament sostanzjali għall-miżuri taż-ŻER, eż. il-promozzjoni ta’ reklutaġġ miftuħ, aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u għad-dejta, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ Orizzont 2020;
  • l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, bħall-finanzjaturi tar-riċerka u l-istituzzjonijiet li jagħmlu r-riċerka, urew appoġġ qawwi għall-aġenda taż-ŻER;
  • ġie stabbilit Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ taż-ŻER li qiegħed iwassal dejta dejjem aktar b’saħħitha għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni fil-livelli nazzjonali u istituzzjonali.

Nuqqasijiet fir-riċerka li jridu jiġu indirizzati

  • Għalkemm kważi l-pajjiżi kollha tal-UE adottaw strateġiji ta’ riċerka nazzjonali, xorta waħda għad fadal differenzi kbar fil-mod ta’ kif jiġu allokati l-fondi għar-riċerka. Hemm ukoll nuqqas ta’ standards maqbula madwar l-Ewropa għat-twettiq ta’ reviżjoni bejn il-pari internazzjonali.
  • Hemm bżonn ta’ aktar taħriġ għall-kandidati dottorali tal-UE, sabiex ikollhom il-ħiliet xierqa biex jaħdmu barra l-akkademja.
  • Filwaqt li aktar pajjiżi tal-UE qegħdin jipprattikaw prattiki ta’ reklutaġġ miftuħ għall-pożizzjonijiet f’istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, l-użu ta’ prattiki ta’ reklutaġġ miftuħ huwa irregolari fost il-pajjiżi, l-istituti tar-riċerka u l-gradi.
  • Aktar minn nofs il-pajjiżi tal-UE għandhom inizjattivi li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka, iżda l-pass ta’ bidla reali huwa kajman wisq.
  • Il-pajjiżi tal-UE qed jirnexxielhom dejjem aktar jiżguraw aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka (pubblikazzjonijiet u dejta) u jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ta’ trasferiment tal-għarfien, iżda jeħtieġ li jagħmlu aktar f’dawn iż-żewġ oqsma.

Ir-rapport ta’ progress jinnota li l-pajjiżi tal-UE għandhom jiżviluppaw Pjan Direzzjonali taż-ŻER sa nofs l-2015. Dan għandu jirriżulta f’inizjattivi li jimmiraw għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi.

L-Isfidi fil-Ġejjieni

Sabiex timmassimizza l-potenzjal tas-sistemi ta’ riċerka miftuħa tal-Ewropa u trawwem l-innovazzjoni, iż-ŻER għandha tħaddan prijoritajiet politiċi u żviluppi fir-riċerka ġodda u toffri soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi li qiegħda tiffaċċja s-soċjetà. Id-domanda dejjem tikber għall-integrità u l-kontabbiltà tar-riċerka, kif ukoll il-modi ġodda ta’ kif titwettaq u tiġi kondiviża r-riċerka (jiġifieri xjenza miftuħa), ifissru li l-partijiet interessati ġodda ser ikunu fundamentali għas-suċċess tagħha.

l-aħħar aġġornament 13.05.2015

Top