Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi

Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2015) 366 finali — Lejn Reġjun tal-Alpi aktar prosperu

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Bil-għan li tgħin lir-Reġjun tal-Alpi jiffaċċja diversi sfidi ekonomiċi, demografiċi u ambjentali, din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tipproponi Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP). Hija tinkludi Pjan ta’ Azzjoni li jfittex li jippromwovi l-prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli fir-reġjun.

PUNTI EWLENIN

L-Eusalp hija r-raba’ strateġija makro-reġjonali tal-UE*. Hija tikkonċerna 7 pajjiżi u 48 reġjun, inklużi:

5 pajjiżi tal-UE: l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u s-Slovenja, u

2 pajjiżi terzi: il-Liechtenstein u l-Isvizzera.

Sfidi

Ir-Reġjun tal-Alpi jiffaċċja bosta sfidi li jirrikjedu rispons konġunt:

xejriet demografiċi: it-tixjiħ, id-densità baxxa tal-popolazzjoni fiż-żoni muntanjużi ewlenin u x-xejriet ġodda tal-immigrazzjoni (jiġifieri ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni lejn żoni urbani minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura fil-kampanja);

vulnerabbiltà għolja għat-tibdil fil-klima u l-effetti ta’ dan fuq l-ambjent, il-bijodiversità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies;

il-pożizzjoni ġeografika speċifika fl-Ewropa, bħala reġjun ta’ tranżitu;

il-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija;

grad għoli ta’ staġjonalità, speċjalment f’xi żoni turistiċi;

disparitajiet soċjali u ekonomiċi sinjifikanti bejn żoni differenti fir-Reġjun.

Għanijiet tal-Istrateġija: 3 tematiċi u 1 orizzontali

Hija meħtieġa kooperazzjoni aktar effettiva bejn ir-reġjuni u l-Istati sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Għalhekk, l-istrateġija hija mibnija fuq 3 għanijiet tematiċi orjentati lejn l-azzjoni:

Azzjonijiet tematiċi

1.

li joffru aċċess ġust għall-opportunitajiet ta’ xogħol u jibnu fuq il-kompetittività għolja tar-Reġjun billi jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. L-azzjonijiet fil-qasam jistgħu jieħdu l-forma ta’ attivitajiet ta’ riċerka dwar prodotti u servizzi speċifiċi għar-Reġjun tal-Alpi u approċċi innovattivi maħsuba biex isaħħu s-sostenibbiltà tar-reġjun;

2.

li jiżguraw aċċessibbiltà u konnettività interni u esterni għall-abitanti kollha tar-reġjun: l-azzjonijiet huma ddisinjati biex jippromwovu mobbiltà aħjar billi jużaw tip differenti ta’ alternattivi tat-trasport (intermodalità u interoperabbiltà) fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-estensjoni tal-aċċess tal-Internet u tat-telefon f’żoni remoti;

3.

li jagħmlu lir-reġjun ambjentalment sostenibbli u attraenti permezz tal-akkomunament ta’ riżorsi reċiproċi sabiex

jippriservaw l-ambjent u l-wirt kulturali;

jippromwovu l-produzzjoni sostenibbli ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija affidabbli.

Barra minn hekk, ser ikun hemm ukoll ir-raba’ għan trasversali li jkollu l-iskop li jibni mudell b’saħħtu ta’ governanza makro-reġjonali sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser taġixxi bħala faċilitatur indipendenti u tiggarantixxi l-koordinazzjoni strateġika fi sħubija mal-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Implimentazzjoni u valur miżjud tal-UE

L-EUSALP għandha l-għan li tipprovdi qafas ta’ kooperazzjoni fejn is-suġġetti makro-reġjonali jistgħu jiġu indirizzati flimkien sabiex tinkiseb koerenza ogħla, iżda tinvolvi wkoll aktar parteċipanti minn livelli differenti minn fost ir-reġjuni kollha involuti.

L-EUSALP tfittex ukoll li tibni relazzjoni ġdida bejn iż-żoni metropolitani u muntanjużi (inklużi ż-żoni ta’ bejniethom).

L-istrateġija ser tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji ewlenin li japplikaw għall-istrateġiji makro-reġjonali eżistenti:

ebda fond ġdid tal-UE,

ebda struttura formali tal-UE addizzjonali u

ebda leġiżlazzjoni tal-UE addizzjonali.

Hija tistrieħ ukoll fuq approċċ ikkoordinat, sinerġiji u l-użu aktar effettiv tal-fondi tal-UE eżistenti u ta’ strumenti finanzjarji oħrajn.

L-istrateġija ser timmobilizza u tlaqqa’ flimkien il-programmi tal-politika reġjonali tal-UE 2014-20 (bħal taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE), kif ukoll oqfsa rilevanti oħrajn tal-politika reġjonali u nazzjonali.

TERMINI EWLENIN

*Strateġija makro-reġjonali hija qafas integrat li jindirizza l-isfidi komuni li tiffaċċja żona ġeografika partikolari.

Bħalissa jeżistu 4 strateġiji makro-ekonomiċi tal-UE:

l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi.

SFOND

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2015) 366 finali tat-28.7.2015)

ATTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja d-dokument tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (SWD(2015) 147 finali tat-28.07.2015)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Diċembru 2013

l-aħħar aġġornament 16.11.2015

Top