Kuntratti ta’ konċessjoni fl-UE
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din tistipula r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-awtoritajiet kontrattwali rigward l-akkwist mis-settur pubbliku u minn entitajiet kontrattwali fis-settur tal-utilitajiet permezz ta’ konċessjoni (eż. id-dritt li tiġi operata infrastruttura, bħal awtostrada, jew servizz bħal rotta tal-karozzi tal-linja).
PUNTI EWLENIN
- Konċessjonijiet huma kuntratti ta’ pagament fejn awtorità kuntrattwali waħda jew aktar, jew entitajiet kuntrattwali jafdaw ix-xogħlijiet jew il-forniment u l-amministrazzjoni tas-servizzi lil kumpanija waħda jew aktar:
- awtoritajiet kuntrattwali (kif definiti fl-Artikolu 6) huma awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jew korpi regolati mil-liġi pubblika;
- entitajiet kuntrattwali (kif definiti fl-Artikolu 7) huma awtoritajiet jew operaturi fis-settur tal-utilitajiiet li jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet rilevanti u jagħtu konċessjoni għat-twettiq tagħhom.
- L-għoti tax-xogħlijiet jew servizzi jikkonsisti fid-dritt li tisfruttahom jew dak id-dritt flimkien ma’ ħlas. Id-dritt li tisfrutta jimplika t-trasferiment lill-konċessjonarju tar-riskju operattiv ekonomiku li jinvolvi b’mod partikolari, il-possibiltà li l-konċessjonarju ma jirkuprax l-investimenti li jkun għamel.
- Ir-regoli għall-għoti tal-konċessjonijiet għandhom l-għan li jistipulaw approċċ legali ċar. Dawn għandhom ukoll l-għan li jiggarantixxu aċċess effettiv għas-suq tal-konċessjonijiet għan-negozji Ewropej kollha, inklużi intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u jipprovdulhom il-possibilitajiet kollha għal investiment fis-servizzi pubbliċi prinċipali fil-futur.
- Din id-direttiva hija parti minn pakkett ta’ atti legali ddiżinjati sabiex jimmodernizzaw ir-regoli tal-akkwist pubbliku madwar l-UE. Ir-riformi se jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jottimizzaw l-użu tal-akkwist pubbliku tagħhom. Kuntratti pubbliċi li huma koperti mid-direttivi tal-UE huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 420 biljun, li jagħmilhom fattur prinċipali tal-ekonomija tal-UE.
- Hekk kif stipulat f’Artikolu 8, id-direttiva tapplika għal konċessjonijiet li jkollhom valur ta’ €5 538 000 jew aktar. Dan il-limitu hu rivedut kull sentejn, kif stipulat f’Artikolu 9.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mis-17 ta’ April 2014 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri tal-UE sat-18 ta’ April 2016.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 1–64).
L-Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/23/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 08.12.2023
Top