EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sikurezza tal-apparat u materjali ta’ tankijiet ta’ pressjoni

Is-sikurezza tal-apparat u materjali ta’ tankijiet ta’ pressjoni

ATT

Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni.

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali dwar is-sikurezza għal apparat u assemblaġġi taħt pressjoni (bħal bojlers, pressure cookers, tagħmir għat-tifi tan-nar, skambjaturi tas-sħana u ġeneraturi tal-fwar). L-apparat stazzjonarju kollu taħt pressjoni jrid jikkonforma ma’ speċifikazzjonijiet stretti jekk ikun ser jinbiegħ fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-direttiva tapplika għad-disinn, il-manifattura u l-konformità ta’ apparat taħt pressjoni bi pressjoni massima permissibbli li taqbeż 0.5 bar. Tkopri l-apparat u l-assemblaġġi taħt pressjoni kollha li huma ġodda għas-suq tal-UE, kemm jekk manifatturati fl-UE kif ukoll jekk manifatturati xi mkien ieħor. Din tinkludi wkoll oġġetti użati importati.

Firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet

L-apparat taħt pressjoni jintuża b’mod mifrux f’industriji bħal dawk:

  • taż-żejt,
  • tas-sustanzi kimiċi,
  • tal-plastik,
  • tal-ikel,
  • tal-ħġieġ,
  • tal-karti,
  • tal-produzzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-enerġija.

Mingħajr standards stretti u infurzati b’mod effettiv, l-apparat stazzjonarju taħt pressjoni jista’ jkun perikoluż minnu nnifsu.

Responsabbiltà għall-konformità

Il-manifatturi u r-rappreżentanti tagħhom, l-importaturi u d-distributuri huma responsabbli għall-konformità tal-prodotti tagħhom ma’ din il-liġi. Dan isir biex tkun żgurata s-saħħa u s-sikurezza tal-utenti, is-sikurezza tal-annimali domestiċi u l-proprjetà, kif ukoll tiġi ggarantita l-kompetizzjoni ġusta fl-UE.

Dettalji tal-manifattur/importatur

Id-dettalji tal-manifattur (isem, isem kummerċjali reġistrat/ marka kummerċjali u l-indirizz postali tagħhom) iridu jkunu indikati fuq l-apparat jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ jew fid-dokumentazzjoni li tiġi miegħu. Dawn għandhom jingħataw b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw li l-prodotti jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u li huma sikuri). L-importaturi ma għandhomx jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

Nuqqas ta’ konformità

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri jikkonformaw mal-liġi. Jekk ikun hemm evidenza ta’ nuqqas tal-konformità, dawn iridu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-apparat milli jinbiegħ.

Annessi

Dawn jinkludu informazzjoni ddettaljata dwar aspetti bħal:

  • rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali li għandhom jiġu ssodisfati;
  • proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità (biex jiġi ttestjat li prodott jissodisfa l-istandards meħtieġa);
  • id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ir-regoli f’dan il-qasam attwalment huma rregolati mid-Direttiva 97/23/KE. Id-Direttiva 2014/68/UE tissostitwixxi d-Direttiva 97/23/KE, b’effett mill-1 ta' Ġunju 2015 (u mid-19 ta' Lulju 2016 fir-rigward ta’ xi aspetti).

TERMINI EWLENIN

Apparat ta’ pressjoni: tankijiet, pajpijiet, aċċessorji tas-sikurezza u aċċessorji tal-pressjoni, inklużi, fejn applikabbli, elementi mwaħħlin ma’ partijiet taħt pressjoni, bħal flanġijiet, żennuni, couplings, appoġġi, manki għall-irfigħ.

Assemblaġġi: bosta biċċiet ta’ apparat ta’ pressjoni assemblati minn manifattur sabiex jiffurmaw oġġett sħiħ li jaħdem bħala oġġett sħiħ.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/68/UE

17.7.2014

28.2.2015, u għal xi artikoli: 18.7.2016

ĠU L 189, 27.06.2014, p. 164.

ATTI RELATATI

Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 181, 9.7.1997, p. 1)

l-aħħar aġġornament 23.09.2014

Top