Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tagħmir li jaħraq karburanti gassużi (mill-2018)

Tagħmir li jaħraq karburanti gassużi (mill-2018)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/426 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Jimmodifika u jaġġorna r-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni preċedenti (Direttiva 2009/142/KE).
  • Jistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-operar ta’ tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u tal-aċċessorji tiegħu.
  • Jipprovdi aċċess għas-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) għat-tagħmir u għall-aċċessorji koperti f’dak li għandu x’jaqsam mas-sikurezza tal-gass tagħhom.
  • Jindirizza l-effiċjenza enerġetika ta’ dawn il-prodotti, sakemm ma tkunx tapplika leġiżlazzjoni oħra tal-UE li hija aktar speċifika.

PUNTI EWLENIN

Il-kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament japplika għal tagħmir u għal aċċessorji tal-gass fejn:
    • “tagħmir” huwa tagħmir li jaħraq karburanti gassużi użat għat-tisjir, għat-tisħin, għall-produzzjoni tal-ilma jaħraq, għat-tkessiħ, għat-tidwil jew għall-ħasil kif ukoll berners tal-kurrent sfurzat (“forced draught burners”)* u ħiters li magħhom jitqabbdu berners bħal dawn;
    • “aċċessorji” huma apparati tas-sikurezza, apparati tal-kontroll jew apparati tar-regolamentazzjoni u l-partijiet tagħhom, imfasslin sabiex jitqabbdu ma’ tagħmir li jaħraq karburant gassuż jew użati sabiex jinbena tagħmir bħal dan.
  • Ir-regolament ma japplikax għal tagħmir imfassal apposta għall-użu:
    • fi proċessi industrijali mwettqin f’siti industrijali;
    • fuq inġenji tal-ajru u ferroviji; jew
    • għal skopijiet ta’ riċerka temporanja fil-laboratorji.

Kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati meta jitqiegħdu t-tagħmir jew l-aċċessorji fis-suq

  • It-tagħmir u l-aċċessorji jridu jirrispettaw ir-regolament — li r-rekwiżiti essenzjali tiegħu huma stabbiliti f'Anness I — qabel ma jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jiġu operati fl-UE.
  • Tagħmir kopert mir-regolament irid ikun imfassal u mibni b’tali mod li jopera b’mod sikur u ma jippreżenta ebda periklu għall-persuni, għall-annimali domestiċi jew għall-proprjetà meta jintuża b’mod normali*.
  • It-tagħmir kollu jrid ikun akkumpanjat minn:
    • struzzjonijiet tekniċi għall-installatur, li jkun fihom l-istruzzjonijiet kollha għall-installazzjoni, għall-aġġustament u għas-servizz ta’ manutenzjoni meħtieġ sabiex jiġi żgurat li dawk l-operazzjonijiet jitwettqu kif suppost, u li t-tagħmir ikun jista’ jintuża b’mod sikur, inklużi, pereżempju
      • dettalji dwar it-tip ta’ gass u l-pressjoni tal-provvista użata
      • il-fluss ta’ arja friska meħtieġ, kif ukoll
      • il-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-prodotti tal-kombustjoni;
    • l-istruzzjonijiet għall-użu u għas-servizz ta’ manutenzjoni maħsubin għall-utent li jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-użu sikur u li jiġbdu l-attenzjoni tal-utent lejn kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu;
    • twissijiet li jindikaw it-tip ta’ gass li jrid jintuża, il-pressjoni tal-provvista tal-gass u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fuq l-installazzjoni tat-tagħmir biss f’żoni fejn hemm biżżejjed ventilazzjoni.

Eżami tat-tip

  • Il-manifattur irid jippreżenta applikazzjoni għal eżami tal-UE tat-tip ma’ korp innotifikat* wieħed. Din l-applikazzjoni jrid ikun fiha:
    • l-isem u l-indirizz tal-manifattur;
    • dikjarazzjoni bil-miktub li ma ġietx ippreżentata applikazzjoni ma’ xi korp innotifikat ieħor;
    • dokumentazzjoni teknika, kif deskritta f’dan ir-regolament.
  • Meta t-tip jissodisfa l-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, il-korp innotifikat jeħtieġlu joħroġ ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip lill-applikant.

Dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

  • Qabel ma jqiegħed tagħmir jew tip ta’ aċċessorju fis-suq, il-manifattur jeħtieġlu jagħmlu soġġett għal sorveljanza tal-fażi tal-produzzjoni minn korp innotifikat.
  • Wara valutazzjoni tal-konformità b’suċċess tal-prodott, il-manifattur irid ifassal dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE* li tiddikjara li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
  • It-tagħmir li jaħdem bil-gass jew il-pjanċa tad-data tiegħu jrid ikollhom fuqhom il-marka CE u l-informazzjoni li ġejja:
    • l-isem tal-manifattur;
    • l-isem kummerċjali reġistrat;
    • il-kategorija tat-tagħmir; u
    • il-pressjoni tal-provvista tal-gass;
    • l-aħħar żewġ figuri tas-sena li fiha żdiedet il-marka “CE”.
  • Il-manifatturi jeħtiġilhom
    • iżommu d-dokumentazzjoni teknika rilevanti u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għal 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tat-tagħmir/tal-aċċessorju;
    • jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali bi kwalunkwe tagħmir li jista’ joħloq riskju.
  • L-importaturi jeħtiġilhom jiżguraw li t-tagħmir u l-aċċessorji li jqiegħdu fis-suq jikkonformaw ma’ dan ir-regolament, inkluż li twettqu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u li l-markar CE u d-dokumentazzjoni mfassla mill-manifatturi huma disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet. Jenħtieġ li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom ikunu indikati fuq it-tagħmir jew l-aċċessorju.
  • Id-distributuri jeħtiġilhom
    • jiżguraw li jaġixxu bl-attenzjoni dovuta sabiex jiżguraw li t-tqandil tagħhom ta’ tagħmir jew ta’ aċċessorju ma jaffettwax il-konformità ta’ dan;
    • jivverifikaw li kwalunkwe tagħmir li jqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq ikollu fuqu l-markar CE u li dan huwa akkumpanjat minn dikjarazzjoni tal-konformità
  • Il-gvernijiet tal-UE jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-korpi nnotifikati li huma awtorizzati biex iwettqu l-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità.
  • Il-Kummissjoni tikkoordina l-kollaborazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jinformaw lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti użati fit-territorju tagħhom sal-21 ta’ Ottubru 2017. Iridu jinnotifikaw ukoll kwalunkwe tibdil sussegwenti f’dawn il-kundizzjonijiet minn qabel.
  • Il-pajjiżi tal-UE jrid ikollhom penali fis-seħħ għal kwalunkwe ksur tal-liġi sal-21 ta’ Marzu 2018.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Japplika mill-21 ta’ April 2018, apparti ċerti artikoli li fil-parti l-kbira jikkonċernaw il-korpi nnotifikati u l-proċeduri, kif ukoll in-notifika tat-tipi ta’ gass u l-pressjonijiet tal-provvista korrispondenti użati fit-territorji tal-pajjiżi tal-UE. Dawn japplikaw mill-21 ta’ Ottubru 2016.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Berner tal-kurrent sfurzat (“forced draught burners”): l-arja tinġieb fil-parti ta’ fuq tal-berner permezz ta’ blower jew fann tal-kurrent sfurzat.

Użu normali: ikkunsidrat li huwa meta tagħmir:

  • jiġi installat u mantnut b’mod regolari skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;
  • jintuża b’varjazzjoni normali fil-kwalità tal-gass u bi fluttwazzjoni normali fil-pressjoni tal-provvista;
  • jintuża skont l-iskop intiż tiegħu jew b’tali mod li jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli.

Korp innotifikat: Jivvaluta l- konformità taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti tal-UE. Dan huwa servizz offrut lill-manifatturi fl-interess pubbliku.

Dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għat-tip: manifattur jiddikjara li t-tagħmir jikkonforma mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip u jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-regolament (markar CE).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, pp. 99–147)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass (ĠU L 330, 16.12.2009, pp. 10–27)

l-aħħar aġġornament 06.03.2017

Top