Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2013–2020)

X'TAGĦMEL L-ISTRATEĠIJA?

  • Din tipprovdi l-qafas u l-prijoritajiet tal-politika għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-politiki dwar id-drogi għall-perjodu 2013–2020.
  • Permezz ta’ approċċ integrat, ibbilanċjat u bbażat fuq l-evidenza, hija tfittex li tikkontribwixxi biex:
    • tnaqqas id-domanda għad-drogi;
    • tnaqqas il-provvista għal drogi illegali;
    • tnaqqas ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali u l-ħsara kkawżata mid-drogi.

PUNTI EWLENIN

L-istrateġija hija mibnija fuq żewġ oqsma ta’ politika:

  • it-tnaqqis fid-domanda għad-droga,
  • it-tnaqqis fil-provvista tad-droga.

L-istrateġija hija wkoll mibnija fuq tliet temi diversi:

  • il-koordinazzjoni,
  • il-kooperazzjoni u informazzjoni internazzjonali,
  • ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

L-istrateġija tikkunsidra l-isfidi ġodda u li qed jevolvu, inkluż:

  • il-feġġa u t-tixrid ta’ sustanzi ġodda psikoattivi (sustanzi li jistimulaw jew jiddeprimu s-sistema ċentrali nervuża);
  • iż-żieda fit-tendenza tat-teħid tad-drogi flimkien ma’, pereżempju l-alkoħol u l-mediċini bi preskrizzjoni;
  • l-inċidenza kontinwa għolja ta’ mard li jittieħed mid-demm, speċjalment l-epatite Ċ, fost min jagħmel użu mid-droga u r-riskji potenzjali ta’ infezzjonijiet HIV;
  • l-għadd kbir persistenti ta’ mwiet relatati mad-droga fi ħdan l-UE;
  • il-bidla fir-rotot tat-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata transkonfinali; u
  • l-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni ġodda għall-provvista ta’ drogi illegali u sustanzi psikoattivi ġodda.

Biex tissodisfa dawn l-isfidi, l-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas id-domanda u l-provvista tad-drogi billi:

  • ittejjeb il-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi, inkluż f’ħabsijiet;
  • ittejjeb id-disponibilità u l-effikaċja ta’ programmi ta’ prevenzjoni;
  • tinvesti f’miżuri effettivi għat-tnaqqis tar-riskju u l-ħsara;
  • tespandi l-kura mid-drogi, inkluż għall-utenti ta’ mhux opjojdi, kif ukoll mudelli integrati tal-kura tas-saħħa mentali u fiżika;
  • issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn pajjiżi tal-UE u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet ġudizzjarji biex titnaqqas il-produzzjoni kif ukoll il-kuntrabandu, it-traffikar, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ drogi illegali;
  • twieġeb b’mod effettiv għal xejriet li qed jevolvu, b’attenzjoni speċjali għal teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni li għandhom rwol sinifikanti fil-faċilitazzjoni tal-provvista tad-drogi;
  • tirrinforza l-qafas leġiżlattiv tal-UE b’mod immirat għal politiki aktar effettivi;
  • tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-fenomenu tad-drogi u tal-impatt ta’ intervenzjonijiet biex tkompli tiżviluppa politiki u azzjonijiet.

Barra minn hekk, l-istrateġija tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-informazzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ l-valutazzjoni.

META TAPPLIKA L-ISTRATEĠIJA?

L-istrateġija tkopri l-perjodu 2013–2020. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drogi 2013–2016 iġġib l-istrateġija fis-seħħ.

Bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qiegħda twettaq valutazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tad-drogi tal-UE. Pjan direzzjonali tal-valutazzjoni jista’ jiġi kkonsultat onlajn. Ir-riżultati huma mistennija jipprovdu l-pjan ta’ azzjoni tad-drogi tal-UE 2017–2020.

Għal aktar informazzjoni, ara:

ATT

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2013–2020) (ĠU C 402, 29.12.2012, p. 1-10)

ATTI RELATATI

Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013–2016) (ĠU C 351, 30.11.2013, p. 1-23)

l-aħħar aġġornament 25.07.2016

Top