EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Investigazzjonijiet kriminali transkonfinali aktar rapidi u aktar effiċjenti fl-UE

Investigazzjonijiet kriminali transkonfinali aktar rapidi u aktar effiċjenti fl-UE

Id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (EIO) tistabbilixxi sistema ġdida komprensiva li tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiksbu evidenza f’pajjiżi oħrajn tal-UE għal każijiet kriminali li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed.

ATT

Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali

SOMMARJU

Din id-direttiva għandha l-għan li tissimplifika u tħaffef l-investigazzjonijiet kriminali transkonfinali fl-UE. Din tintroduċi Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji f’pajjiż wieħed tal-UE (“l-Istat emittenti”) jitolbu li l-evidenza tinġabar f’pajjiż ieħor tal-UE u tiġi ttrasferita minnu (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”).

Peress li l-EIO hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, fil-prinċipju kull pajjiż tal-UE huwa obbligat jirrikonoxxi u jesegwixxi talba bħal din. Dan għandu jsir ukoll malajr u mingħajr kwalunkwe formalità ulterjuri.

L-EIO tagħmilha aktar faċli li jiġu indirizzati reati kriminali inklużi reati bħall-korruzzjoni, it-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata. Pereżempju, il-pulizija Griega tista’ titlob lill-kontroparti tagħha fir-Renju Unit (1) biex twettaq tfittxijiet fid-djar jew biex tinterroga xhieda f’isimha.

L-EIO ittejjeb il-liġijiet eżistenti tal-UE li jkopru dan il-qasam billi tistabbilixxi skadenzi stretti għall-ġbir tal-evidenza mitluba u billi tillimita r-raġunijiet biex talbiet bħal dawn jiġu miċħuda. Tnaqqas ukoll il-burokrazija billi tintroduċi formola standard unika għall-awtoritajiet biex jitolbu l-għajnuna meta jfittxu l-evidenza.

Aspetti ewlenin tal-EIO

  • Deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Pajjiż Membru tal-UE biex tiġi eżegwita miżura investigattiva waħda jew diversi miżuri fi Stat Membru ieħor tal-UE sabiex jinkisbu provi b’konformità ma’ din id-direttiva.
  • Din tista’ tinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri li ser jesegwixxi t-talba.
  • Tista’ tintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew mill-avukat tagħha, b’konformità mad-drittijiet ta’ difiża applikabbli fi Stat Membru tal-UE
  • Ma għandhiex taffettwa d-drittijiet tal-bniedem jew prinċipji legali, eż. id-dritt għal difiża f’każijiet kriminali
  • Tkopri kwalunkwe miżura investigattiva, minbarra t-twaqqif ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta
  • Tista’ tinħareġ għal reati kkunsidrati kriminali jew atti/ksur tal-liġi li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali tal-istat emittenti

90 ġurnata għal azzjoni

Wara li jirċievi EIO, l-istat ta’ eżekuzzjoni jrid jaġixxi malajr fir-rigward tat-talba. Jista’ jirrifjuta wkoll li jagħmel hekk taħt ċerti ċirkostanzi, eż. jekk it-talba tkun kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-istat jew tkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ sigurtà nazzjonali tiegħu. L-ispejjeż kollha tal-azzjoni li ssir fuq talba jridu jitħallsu mill-istat ta’ eżekuzzjoni.

Il-korp li jeżegwixxi t-talba jista’ jagħżel miżura investigattiva alternattiva għall-EIO, jekk jemmen li din ser twassal għal riżultati simili.

L-EIO tippermetti:

  • it-trasferiment temporanju ta’ persuni miżmuma f’kustodja sabiex jinġabru l-provi
  • kontrolli tal-kontijiet bankarji/finanzi tal-persuni suspettati
  • investigazzjonijiet sigrieti u interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet
  • miżuri għaż-żamma tal-evidenza

Din id-direttiva tapplika għall-Istati Membri tal-UE minbarra għad-Danimarka u għall-Irlanda, li għażlu li jibqgħu barra. Din tissostitwixxi l-iskemi ta’ assistenza legali reċiproka eżistenti tal-UE, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Legali Reċiproka tal-2000 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/41/UE

21.5.2014

22.5.2017

ĠU L 130, 1.5.2014, pp. 1-36.

Rettifika

-

-

ĠU L 143, 9.6.2015, p. 16-16

l-aħħar aġġornament 10.09.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top