Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi:

  • kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tad-dazji tas-sisa;
  • regoli u proċeduri dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, b’mod elettroniku jew b’mod ieħor, bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) għandu r-responsabilitajiet li ġejjin.

  • Jaħtar awtorità biex tapplika leġiżlazzjoni u tinforma lill-Kummissjoni, li tippubblika lista ta’ korpi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
  • Tinnomina uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa, li r-responsabbiltajiet primarji tiegħu huma li:
    • iżomm kuntatt ma’ Stati Membri oħra direttament jew permezz ta’ dipartimenti u uffiċjali nominati;
    • jiskambja informazzjoni;
    • jibgħat notifiki ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u miżuri oħra;
    • jagħti feedback dwar attivitajiet ta’ segwitu;
    • jipprovdi informazzjoni statistika u informazzjoni oħra.
  • Jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni.
  • Iżomm, għal mill-inqas ħames snin, l-informazzjoni dwar il-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa u r-rekords fir-reġistri nazzjonali.
  • Jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura:
    • koordinazzjoni interna effettiva u kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet tagħhom;
    • tħaddim tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Awtorità fi Stat Membru wieħed tista’ titlob informazzjoni, inkluż talba amministrattiva speċifika, minn kontroparti f’ieħor. Dan tagħmlu permezz, meta possibbli, tas-sistema ta’ kontroll tal-moviment tas-sisa kompjuterizzata u dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka.

Awtorità li tirċievi talba:

  • tissupplixxi l-informazzjoni, sakemm:
    • l-awtorità rikjedenti ma tkunx eżawriet is-sorsi tal-informazzjoni tas-soltu,
    • l-għadd u n-natura tat-talbiet f’perjodu speċifiku ma jimponux piż amministrattiv sproporzjonat;
  • twieġeb mill-aktar fis possibbli u fi żmien tliet xhur;
  • tista’ tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni jekk:
    • l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista’, għal raġunijiet legali, tipprovdi informazzjoni simili,
    • din twassal għall-iżvelar ta’ sigriet jew proċess kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew
    • tmur kontra l-politika pubblika.

L-iskambju tal-informazzjoni huwa mandatorju meta:

  • il-liġi qed, jew hemm suspett li qed, tinkiser fi Stat Membru ieħor;
  • hemm riskju ta’ frodi jew jeżisti telf ta’ dazju tas-sisa fi Stat Membru ieħor;
  • iI-qerda totali jew it-telf ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju* iseħħ;
  • avveniment eċċezzjonali waqt li oġġetti soġġetti għas-sisa jiċċaqilqu fl-UE.

Huwa fakultattiv meta l-informazzjoni tkun meħtieġa biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata b’mod korrett.

Informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont it-regolament:

  • hija koperta mis-segretezza uffiċjali;
  • tista’ tintuża biex:
    • tistabbilixxi l-bażi tal-valutazzjoni għad-dazji tas-sisa,
    • tiġbor jew tikkontrolla b’mod amministrattiv id-dazji tas-sisa,
    • timmonitorja l-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa,
    • twettaq analiżi tar-riskju,
    • tistabbilixxi taxxi, dazji u imposti oħra.

Bażi ta’ data elettronika f’kull Stat Membru:

  • fiha reġistri b’informazzjoni dettaljata dwar:
    • operaturi ekonomiċi (magazziniera awtorizzati, destinatarji reġistrati, konsinjatarji rreġistrati),
    • bini awtorizzat bħala mħażen tat-taxxa;
  • tibqa’ aġġornata b’informazzjoni kompluta u preċiża mill-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa.

Il-Kummissjoni:

  • topera reġistru ċentrali, bħala parti mis-sistemi kompjuterizzata, tal-operaturi ekonomiċi li jċaqilqu oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jew meta jċaqilqu oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum* bejn l-Istati Membri;
  • jiżgura li n-nies li jċaqilqu tali oġġetti jistgħu jiksbu konferma elettronika tal-validità tan-numri tas-sisa miżmuma fir-reġistru ċentrali;
  • jeżamina u jevalwa l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni flimkien mal-Istati Membri;
  • tagħti taqsira regolari tal-esperjenzi nazzjonali biex itejjeb is-sistema;
  • jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kull ħames snin dwar l-użu tal-leġiżlazzjni;
  • huwa assistit mill-Kumitat tad-Dazju tas-Sisa;
  • adotta żewġ atti ta’ implimentazzjoni taħt ir-regolament:
    • Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 612/2013 dwar ir-reġistru tal-operaturi ekonomiċi u mħażen tat-taxxa,
    • Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/323 dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni.

Ir-regolament:

Emendi

Ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 ġie emendat mir-Regolamenti (UE) 2020/261, 2021/774 u 2023/246, li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi involuti fil-moviment ta’ oġġetti li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum. Dawn l-atti emendatorji diġà ġew inklużi fil-verżjoni konsolidata tar-Regolament (UE) Nru 389/2012.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

SFOND

  • Ir-regolament jipprovdi għal sistema komuni fejn l-Istati Membri jgħinu lil xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar id-dazji tas-sisa, jiġġieldu l-evażjoni tad-dazji u jnaqqsu d-distorsjonijiet fis-suq intern.
  • L-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa huma pprovduti mid-Direttiva (UE) 2020/262 (ara s-sommarju), applikabbli mit-13 ta’ Frar 2023. Din id-direttiva tirrevoka u tissostitwixxi d-Direttiva preċedenti 2008/118/KE (ara s-sommarju).
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. Arranġament tat-taxxa applikata għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li taħthom id-dazju tas-sisa huwa sospiż.
Rilaxx għall-konsum. It-tluq ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. L-oġġetti jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jitmexxew lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor li għandu jiġi kkunsinnat hemmhekk għal skopijiet kummerċjali jew jintuża hemmhekk. Huma soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nruo 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠUJ L 121, 8.5.2012, pp. 1–15).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 389/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/246 tat-30 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi dwar operaturi ekonomiċi li jċaqilqu oġġetti soġġetti għas-sisa bejn Stati Membri għal skopijiet kummerċjali (ĠU L 34, 6.2.2023, pp. 1–3).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/774 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistri elettroniċi (ĠU L 167, 12.5.2021, pp. 1–2).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/261 tal-Il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa rigward il-kontenut tar-reġistri elettroniċi (ĠU L 58, 27.2.2020, pp. 1–3).

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni) (ĠU L 58, 27.2.2020, pp. 4–42).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (riformulazzjoni) (ĠU L 58, 27.2.2020, pp. 43–48).

Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/323 tal-24 ta’ Frar 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward oġġetti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (ĠU L 66, 11.3.2016, pp. 1–82).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 612/2013 tal-25 ta’ Ġunju 2013 dwar l-operazzjoni tar-reġistru ta’ operaturi ekonomiċi u mħażen tat-taxxa, statistika relatata u rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa (Ġ L 173, 26.6.2013, pp. 9–33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.02.2023

Top