Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

In-negozjati dwar it-tibdil fil-klima tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) — deskrizzjoni ġenerali

In-negozjati dwar it-tibdil fil-klima tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) — deskrizzjoni ġenerali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif japplika għall-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tan-NU dwar it-tibdil fil-klima

IT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA U N-NEGOZJATI TAN-NU DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA

  • L-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddefinixxi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-ambjent u jsostni l-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tan-NU dwar il-klima. B’mod partikolari:
    • ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) tat-TFUE jsemmi speċifikament li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-ambjent huwa li tippromwovi miżuri fil-livell internazzjonali sabiex tindirizza problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari tiġġieled it-tibdil fil-klima.
    • ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 191 jirreferi għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam ma’ pajjiżi oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NU.
  • In-negozjati dwar il-klima tan-NU għandhom l-għan li jiżguraw ftehim internazzjonali dwar miżuri effettivi biex jiġi indirizzat it-tisħin globali. L-ewwel wieħed, fl-1992, kien impenn biex iż-żieda fit-tisħin globali tinżamm inqas minn 2oC meta mqabbla maż-żminijiet preindustrijali.
  • L-adozzjoni ta’ ftehim ġdid dwar il-klima globali fl-2015 biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b’livell baxx ta’ karbonju tirrappreżenta l-qofol ta’ snin ta’ sforzi magħmula mill-komunità internazzjonali biex ikun hemm ftehim universali u multilaterali dwar it-tibdil fil-klima.

STADJI EWLENIN FL-INDIRIZZAR TAT-TIBDIL FIL-KLIMA

  • 1992: Il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) stabbiliet bażi għall-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima billi jiġu limitati ż-żidiet fit-temperatura medja globali u t-tibdil fil-klima li jirriżulta.
  • 1997: Il-Protokoll ta’ Kyoto, l-ewwel ftehim legalment vinkolanti tad-dinja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ġie approvat. Il-pajjiżi żviluppati li pparteċipaw wiegħdu li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tagħhom b’mill-inqas 5 % fl-ewwel perjodu ta’ impenn (bejn l-2008 u l-2012) meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-15-il pajjiż tal-UE (ta’ dak iż-żmien) impenjaw ruħhom għal tnaqqis ta’ 8 %
  • 2009: Kopenħagen assigura ftehim politiku, li jitlob għal azzjoni speċifika biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan kien jirrappreżenta l-ewwel darba li l-ekonomiji ewlenin kollha kienu offrew wegħdiet espliċiti dwar il-klima internazzjonali. Dan ġie approvat minn aktar minn 140 pajjiż.
  • 2010: Cancun irrikonoxxa għall-ewwel darba f’deċiżjoni formali tan-NU li t-tisħin globali għandu jinżamm taħt iż-2oC meta mqabbel mat-temperaturi preindustrijali. Huwa rrikonoxxa li l-isforzi globali kellhom jiżdiedu biex tintlaħaq il-mira
  • 2011: Durban ikkonferma l-ħtieġa għal ftehim legali ġdid biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima lil hinn mill-2020 — wieħed fejn kull pajjiż ikun jista’ jagħti s-sehem tiegħu billi jagħmel mill-aħjar tiegħu. Dan kellu jsir qbil dwaru fl-2015.
  • 2012: Doha approva l-ftehim ta’ 38 pajjiż żviluppat, inkluża l-UE, biex jipparteċipaw fit-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kyoto (2013-2020). Dan ikopri 14 % tal-emissjonijiet globali.
  • 2013: Varsavja pproduċiet skeda għall-pajjiżi biex iressqu l-kontributi tagħhom biex inaqqsu jew jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra taħt il-ftehim ġdid dwar il-klima globali li kellu jiġi finalizzat fl-2015.
  • 2014: Lima approvat l-impenji ta’ Varsavja, li kienet teħtieġ li l-pajjiżi kollha jiddeskrivu l-kontributi maħsuba tagħhom għall-ftehim tal-2015 b’mod ċar, trasparenti u li jinftiehem. Barra minn hekk, sar qbil dwar l-abbozz ta’ elementi għall-ftehim u dwar l-azzjoni li taċċellera ta’ qabel l-2020.
  • 2015: Pariġi adottat l-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima globali li qatt kien hawn, li għandu jiġi implimentat mill-2020. Dan il-ftehim jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali biex id-dinja taqbad it-triq sabiex tevita tibdil perikoluż fil-klima billi t-tisħin globali jiġi limitat għal sew taħt iż-2oC. Il-kontribut tal-UE għall-ftehim il-ġdid hija mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet vinkolanti ta’ mill-inqas 40 % sal-2030.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewopea —It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni— Titolu XX — Ambjent — Artikolu 191 (l-ex Artikolu 174 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 132–133)

l-aħħar aġġornament 17.11.2016

Top