Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Garanzija tal-UE għal proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment barra mill-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Ewropa Globali — l-Istrument tal-UE ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali' for an updated information about the subject.

Garanzija tal-UE għal proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment barra mill-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti ta’ investiment barra mill-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Tipprovdi garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kontra kwalunkwe telf li jista’ jġarrab mill-finanzjament ta’ proġetti barra mill-UE.

Ġiet emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2018/412 li żiedet is-self tal-BEI taħt garanzija tal-UE b’€5.3 biljun. Minn dan l-ammont, €3.7 biljun huma allokati għal proġetti fis-settur pubbliku (€1.4 biljun) u dak privat (€2.3 biljun) biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-garanzija:

  • tapplika għal self tal-BEI, għal garanziji għal self u għal strumenti ta’ dejn tas-swieq tal-kapital* għal proġetti ta’ investiment f’pajjiżi eliġibbli;
  • teħtieġ li l-attivitajiet ta’ finanzjament tal-BEI jaderixxu ma’ prattiki bankarji sodi;
  • tkopri l-operazzjonijiet tal-BEI ffirmati bejn l-1 ta’ April 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020. Tista’ tiġi estiża awtomatikament għal 6 xhur addizzjonali jekk ma jintlaħaqx qbil dwar garanzija ġdida;
  • hija limitata għal 65 % tal-finanzi totali allokati;
  • ma tistax taqbeż it-€32.3 biljun;
  • tinkludi:
    • €3.7 biljun għal proġetti tas-settur pubbliku u dak privat biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni;
    • mill-inqas 25 % tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI totali għal attivitajiet ta’ azzjoni dwar il-klima;
    • limiti għal reġjuni u pajjiżi ġeografiċi differenti;
  • tikkonsisti f’“garanzija komprensiva” (li tkopri kull każ ta’ nuqqas ta’ ħlas lill-BEI) u “garanzija għar-riskju politiku” (li tkopri n-nuqqas ta’ ħlasijiet minħabba n-nuqqas ta’ trasferiment tal-munita, esproprjazzjoni, gwerra jew diżubbidjenza ċivili, ksur ta’ kuntratt).

Biex ikunu eliġibbli għall-garanzija tal-UE, l-attivitajiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom iġibu valur miżjud u sostenn:

  • l-iżvilupp tas-settur privat lokali, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs);
  • l-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali u ekonomika, inkluż it-trasport, l-enerġija, l-ambjent u t-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni;
  • il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;
  • ir-reżiljenza ekonomika fit-tul tar-refuġjati, tal-migranti u tal-komunitajiet ospitanti u ta’ tranżitu tagħhom;
  • l-interessi ġenerali tal-UE, bħalma huma l-politiki esterni, ambjentali u ta’ azzjoni dwar il-klima;
  • l-integrazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi, inkluż b’mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi fil-proċess qabel l-adeżjoni u l-benefiċjarji, il-pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija u l-UE;
  • il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jitnaqqas il-faqar billi jiġi mħeġġeġ it-tkabbir inklużiv u l-progress ekonomiku, ambjentali u soċjali sostenibbli;
  • il-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, it-trasparenza fil-pagi u l-paga ugwali.

L-Annessi jidentifikaw il-pajjiżi terzi li huma potenzjalment eliġibbli, u eliġibbli, għall-finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea:

  • taġġorna, flimkien mal-BEI, il-linji gwida tekniċi reġjonali eżistenti fi żmien sena minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni;
  • tirrapporta fuq bażi annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI taħt id-deċiżjoni;
  • tipproduċi rapport ta’ evalwazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2019. Dan jinkludi input għal estensjoni possibbli tal-garanzija tal-UE u jiġi segwit minn rapport sussegwenti sal-31 ta’ Diċembru 2021;
  • għandha s-setgħa, mit-8 ta’ April 2018, li tadotta atti delegati.

Il-BEI:

  • jikkoopera:
    • mal-Kummissjoni u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex tiġi massimizzata s-sinerġija bejn il-finanzjament tiegħu u r-riżorsi baġitarji tal-UE;
    • istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u Ewropej oħra biex tiżdied l-effiċjenza, jinqasmu r-riskji u tiġi evitata duplikazzjoni possibbli.
  • jivvaluta u jimmonitorja proġetti ta’ investiment, iwettaq id-diliġenza dovuta, speċjalment tal-istandards ambjentali, soċjali u marbuta mad-drittijiet tal-bniedem;
  • jippubblika fuq is-sit web tiegħu informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament kollha tiegħu;
  • jirrifjuta proġetti li jinvolvu ħasil ta’ flus, finanzjament tat-terroriżmu, evitar tat-taxxa, frodi jew evażjoni possibbli;
  • jgħarraf minnufih lill-OLAF, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jekk jissuspetta frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew xi attività illegali oħra possibbli.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mill-11 ta’ Mejju 2014.

SFOND

  • Il-garanzija tal-UE tippermetti lill-BEI jipprovdi finanzjament fit-tul b’kundizzjonijiet attraenti għal proġetti barra mill-UE li kieku ma jkunux kompatibbli mal-aptit tar-riskju tal-BEI, filwaqt li tevita li r-riskji jaffettwaw il-kapaċità tal-BEI li jissalvagwardja l-affidabbiltà kreditizja tiegħu. Dan jippermetti lill-bank iżomm ir-rati ta’ self tiegħu baxxi kemm jista’ jkun.
  • Il-garanzija mill-baġit tal-UE tingħata taħt il-mandat ta’ self estern (ELM) bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Dan jappoġġja l-attività tal-BEI fil-pajjiżi fil-proċess ta’ qabel l-adeżjoni, fil-pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija, fl-Asja, fl-Amerka Latina u fl-Afrika t’Isfel.
  • Għall-perjodu attwali tal-ELM, l-UE inizjalment iggarantiet €27 biljun tal-operazzjonijiet tal-BEI. F’Marzu 2018, dan l-ammont żdied b’€5.3 biljun, li €3.7 biljun minnhom huma għal proġetti pubbliċi u privati biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni.
  • Iż-żieda tgħin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment Estern (EIP) tal-UE li l-għan tiegħu huwa li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u jinkisbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

TERMINI EWLENIN

Strumenti ta’ dejn tas-swieq tal-kapital: suq fejn il-gvernijiet u l-kumpaniji jistgħu jiġbru l-fondi permezz tal-kummerċ ta’ titoli ta’ dejn, inklużi bonds korporattivi jew tal-gvern.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti ta’ investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, pp. 1-20)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE ġew inkorporati fl-att oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attività esterna tal-BEI fl-2016 bil-garanzija esterna tal-UE (COM(2017) 767 final, 15.12.2017)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attività esterna tal-BEI fl-2016 bil-garanzija esterna tal-UE [traduzzjoni mhux uffiċjali](SWD(2017) 460 final, 15.12.2017)

l-aħħar aġġornament 03.12.2019

Top