Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-bdiewa fil-gżejjer tal-Eġew - l-appoġġ mill-UE

Il-bdiewa fil-gżejjer tal-Eġew - l-appoġġ mill-UE

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli speċjali li jassistu l-agrikoltura fil-gżejjer minuri tal-Eġew li huma affettwati minn fatturi ġeografiċi u ekonomiċi.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006.

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli speċjali li jassistu l-agrikoltura fil-gżejjer minuri tal-Eġew li huma affettwati minn fatturi ġeografiċi u ekonomiċi.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jippermetti li jsiru arranġamenti speċjali li jkollhom l-għan li jikkumpensaw lil dawn il-gżejjer għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw minħabba l-pożizzjoni remota tagħhom. Huwa għandu 2 għanijiet:

  • 1.

    Li jiggarantixxi l-provvista lejn dawn il-gżejjer minuri ta’ prodotti li huma essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar, kif ukoll ta’ inputs agrikoli, bi spiża li tikkumpensa għall-iżolament tagħhom.

  • 2.

    Li jiżgura, fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-kontinwità u l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali.

PUNTI EWLENIN

Il-ġestjoni u l-baġit

Il-Greċja tiddeċiedi dwar il-livell ġeografiku xieraq li fih trid tistabbilixxi l-programm u tissottomettih lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Kull sena, ikun disponibbli ammont ta’ €23.93 miljun (li mhux aktar minn €7.11 miljun minnu jistgħu jintużaw għall-iffinanzjar tal-arranġamenti ta’ provvista speċjali) mill-baġit tal-UE, kif stipulat fl-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament.

Arranġamenti ta’ provvista speċifiċi

Meta jintlaħaq qbil fuqhom, dawn jingħataw bil-kundizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jiġi mgħoddi lill-utent aħħari li, skont kif xieraq, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ ta’ prodotti maħsuba għal konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-industriji tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew bdiewa fil-każ ta’ prodotti li jintużaw għall-għalf tal-annimali jew bħala inputs agrikoli.

Il-vantaġġ jiġi kkalkolat bħala ugwali għall-ammont tal-għajnuna. L-awtorità maniġerjali tista’ titlob li jiġi ppreżentat titolu ta’ sigurtà ugwali għall-ammont tal-vantaġġ.

Miżuri li jassistu l-prodotti agrikoli lokali

Il-programm jista’ jinkludi miżuri maħsuba biex jappoġġjaw il-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fil-gżejjer tal-Eġew iż-żgħar.

Kull miżura tista’ tinkludi varjetà ta’ azzjonijiet. Għal kull azzjoni, il-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas il-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-ammont unitarju tal-għajnuna allokata għal dik l-azzjoni.

Kontrolli u penali

Il-prodotti li huma s-suġġett ta’ arranġamenti ta’ provvista speċifiċi jkunu soġġetti għal kontrolli meta jidħlu fil-gżejjer minuri tal-Eġew, kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta. Meta r-regoli ma jiġux irrispettati, l-awtoritajiet jistgħu jirkupraw il-vantaġġ mogħti lill-operaturi (jiġifieri bdiewa u kumpaniji li għandhom l-irziezet) u jissospendu/jirrevokaw ir-reġistrazzjoni tagħhom b’mod temporanju.

Il-miżuri maħsuba biex jassistu l-prodotti agrikoli lokali jiġu vverifikati permezz ta’ kontrolli amministrattivi u oħrajn imwettqa fuq il-post. F’każ ta’ ħlas li jsir b’mod skorrett, il-benefiċjarju kkonċernat jiġi obbligat li jirrimborża l-ammont inkwistjoni.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-21 ta’ Marzu 2013. Ir-Regolament (UE) 229/2013 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006.

Għal aktar tagħrif, ara l-programmi POSEI u l-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013

21.3.2013

-

ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41-50

l-aħħar aġġornament 16.03.2015

Top