Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali

Pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li l-Ġurnal Uffiċjali (ĠU) tal-Unjoni Ewropea (UE) jiġi ppubblikat f’ forma elettronika awtentika u legalment vinkolanti, sabiex jittejjeb l-aċċess għad-dritt tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Minn Lulju 2013 l-edizzjoni elettronika tal-ĠU saret disponibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku fuq is-sit web ta’ EUR-Lex f’format mhux skadut u għal perjodu mhux limitat.
  • L-edizzjoni elettronika tal-ĠU hija ppubblikata taħt kundizzjonijiet tekniċi li jiżguraw l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-kontenut tagħha. Is-sistema ġiet stabbilita sabiex tiżgura li l-awtentiċità tiġi deskritta fuq is-sit web ta’ EUR-Lex.
  • L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tal-edizzjoni elettronika tal-ĠU fuq i-sit web ta’ EUR-Lex u biex jiggarantixxi l-awtentiċità tagħha. Huwa jamministra wkoll is-sistema ta’ informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika tal-ĠU u taġġornaha biex tinkorpora l-iżviluppi tekniċi futuri.
  • Il-ĠU għandu firma elettronika kwalifikata jew siġill elettroniku kwalifikat kif definit skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 (ara s-sommarju). Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-firma elettronika jew għas-siġill elettroniku huma ppubblikati fuq is-sit web ta’ EUR-Lex biex jippermettu lill-pubbliku jivverifika l-awtentiċità.
  • F’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn mhuwiex possibbli li jiġi ppubblikat il-ĠU fuq is-sit web ta’ EUR-Lex, il-pubblikazzjoni ssir f’forma stampata. Ladarba s-sistemi tal-informazzjoni jiġu restawrati, il-verżjoni elettronika ssir l-aħħar verżjoni awtentika.
  • Fejn ċerta informazzjoni fil-ĠU għandha titneħħa wara l-pubblikazzjoni skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew sabiex tipproteġi d-data personali skont l-atti legali tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament (UE)2018/1725 (ara s-sommarju, verżjoni ġdida tal-edizzjoni elettronika tal-ĠU kkonċernat għandha tkun disponibbli, akkumpanjata minn avviż għal dak il-għan. Il-verżjoni oriġinali tal-edizzjoni elettroniku tal-ĠU kkonċernat għandha tinżamm fl-arkivji tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għal perjodu mhux limitat.
  • F’Ottubru 2023, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet introduċa mod ġdid ta’ produzzjoni. Il-ĠU issa huwa ppubblikat individwalment bħala Ġurnal Uffiċjali awtentiku f’format PDF.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

SFOND

Fl-2007, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fid-deċiżjoni tagħha li l-atti legali tal-UE mhumiex infurzabbli kontra individwi jekk dawn ma jkunux ġew ippubblikati kif xieraq fil-ĠU, u li d-disponibbiltà ta’ tali atti online ma kinitx ekwivalenti għal pubblikazzjoni valida fil-ĠU, fin-nuqqas ta’ xi regoli f’dak ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament ġie adottat sabiex jippermetti l-pubblikazzjoni tal-ĠU f’forma elettronika bil-għan li tikkostitwixxi pubblikazzjoni valida, sabiex b’hekk l-aċċess għad-dritt tal-Unjoni jsir kemm aktar veloċi kif ukoll aktar ekonomiku.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, pp. 1–3).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 216/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, pp. 41–47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 73–114).

l-aħħar aġġornament 06.06.2024

Top