EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XG0220(01)

Il-ġlieda kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa

Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Theddid transkonfinali serju għas-saħħa' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

Il-ġlieda kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Din tistabbilixxi regoli dwar sorveljanza epidemijoloġika, monitoraġġ, twissija bikrija ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa u l-ġlieda kontrih, inkluż preparazzjoni u ppjanar ta’ rispons relatat ma’ dawk l-attivitajiet, sabiex jiġu kkoordinati u kkumplimentati politiki nazzjonali.
  • Din għandha l-għan li tappoġġja kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex:
    • ittejjeb il-prevenzjoni u l-kontroll tal-firxa ta’ mard tal-bniedem sever fil-fruntieri tal-pajjiżi tal-UE; u
    • tiġġieled theddid transkonfinali serju ieħor għas-saħħa sabiex tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-UE.
  • Din tiċċara wkoll il-metodi ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi atturi fil-livell tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tkopri:
    • theddid bijoloġiiku bħal mard li jittieħed*, reżistenza għall-antimikrobiċi u bijotossini;
    • theddid kimiku, ambjentali jew mhux magħruf;
    • preparazzjoni u ppjanar ta’ rispons, b’enfasi fuq il-koordinazzjoni madwar l-UE sabiex jissaħħu miżuri nazzjonali individwali;
    • akkwist konġunt sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jaħżnu t-tilqim u l-mediċini;
    • sorveljanza epidemijoloġika* u monitoraġġ ad hoc;
    • stabbiliment ta’ sistema ta’ twissija rapida għan-notifikazzjoni ta’ twissijiet fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa, “Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni” (EWRS);
    • proċeduri għall-immaniġġjar ta’ emerġenzi;
    • stabbiliment ta’ Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa b’rappreżentanti nazzjonali biex jappoġġja l-iskambju tal-informazzjoni, jikkoordina ppjanar ta’ preprazzjoni u risponsi ta’ kriżijiet, u jikkomunika mal-professjonisti pubbliċi u tas-saħħa.
  • Il-pajjiżi infurmaw lill-Kummissjoni sas-7 ta’ Novembru 2014, u kull 3 snin wara din id-data, jinfurmawha dwar il-livelli nazzjonali tagħhom ta’ preparazzjoni u ta’ rispons.
  • Il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-7 ta’ Diċembru 2015, u se toħroġ rapporti simili kull 3 snin wara din id-data, dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.
  • Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu rwol importanti x’jaqdi fl-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ theddid attwali u emerġenti li joħloq il-mard li jittieħed għas-saħħa tal-bniedem.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

  • Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE ilha tapplika mis-6 ta’ Novembru 2013.

SFOND

* TERMINI EWLENIN

Marda li tittieħed: marda infettuża kkawżata minn aġent kontaġġjuż li jittrażmetti minn persuna għal oħra permezz ta’ kuntatt dirett ma’ individwu infettat jew permezz ta’ mezzi indiretti bħal esponiment għal annimal, prodott jew ambjent vettur, jew skambju ta’ fluwidu, li jkun ikkontaminat b’aġent kontaġġjuż.
Sorveljanza epidemijoloġika: il-ġbir, l-irrekordjar, l-analiżi, l-interpretazzjoni u t-tixrid sistematiku ta’ data dwar mard li jittieħed u kwistjonijiet tas-saħħa speċjali relatati.
Miżura tas-saħħa pubblika: deċiżjoni jew azzjoni li għandha l-għan li tipprevjeni, timmonitorja jew tikkontrolla l-firxa tal-mard jew tal-kontaminazzjoni, li tiġġieled riskji severi għas-saħħa pubblika jew li timmitiga l-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, pp. 1-15)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva Nru 1082/2013/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (COM(2015) 617 final, 7.12.2015)

l-aħħar aġġornament 28.05.2020

Fuq