This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0472
Katina ta’ provvista li tiffunzjona tajjeb u effiċjenti
Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.
Katina ta’ provvista li tiffunzjona tajjeb u effiċjenti
Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq telimina jew tnaqqas il-prattiki żleali applikati minn bejjiegħa bl-imnut kbar u fornituri tal-ikel kontra partijiet kummerċjali iktar dgħajfa.
ATT
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta’ provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014) 472 final tal-15.7.2014)
SOMMARJU
Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq telimina jew tnaqqas il-prattiki żleali applikati minn bejjiegħa bl-imnut kbar u fornituri tal-ikel kontra partijiet kummerċjali iktar dgħajfa.
X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?
Il-komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tan-negozji żgħar fil-katina ta’ provvista* tal-Unjoni Ewropea (UE). Din ma tipproponix leġiżlazzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri u bejjiegħa bl-imnut iżgħar fuq naħa u manifatturi u supermarkets multinazzjonali kbar fuq in-naħa l-oħra. Minflok, tissuġġerixxi ġabra ta’ inizjattivi volontarji u miżuri ta’ infurzar nazzjonali biex jiġu evitati prattiki kummerċjali żleali.
PUNTI EWLENIN
Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi tliet oqsma ta’ azzjoni:
Appoġġ għall-inizjattiva tal-katina ta’ provvista volontarja Imnedija f’Settembru 2013, din tippromwovi kodiċi volontarji tal-imġiba sabiex jiġu żgurati relazzjonijiet kummerċjali ġusti u sostenibbli.
Użu ta’ prinċipji ta’ prattika tajba mal-UE kollha. Sar qbil dwar sett ta’ prinċipji ta’ prattika tajba mill-partijiet interessati kollha fil-katina ta’ provvista tal-ikel tal-UE. Dawn il-prinċipji jistgħu jkunu l-bażi għal fehim komuni ta’ x’jikkostitwixxi prattiki ta’ negozju ġusti u sostenibbli.
L-iżgurar ta’ infurzar nazzjonali effettiv. Standards minimi tal-infurzar mal-UE kollha jkunu fattur kredibbli ta’ deterrent kontra l-applikazzjoni ta’ prattiki żleali u jgħinu fl-indirizzar tal-“fattur ta’ biża’” tal-parti iktar dgħajfa f’relazzjoni kummerċjali.
SFOND
Madwar 47 miljun persuna, ħafna f’negozji żgħar, jaħdmu fil-katina ta’ provvista tal-ikel li tirrappreżenta suq ta’ EUR 1.05 triljun. Il-komunikazzjoni hija segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi u Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea, it-tnejn li huma ppubblikati f’Jannar tal-2013, li enfasizzaw l-effetti ta’ ħsara ta’ prattiki kummerċjali żleali, speċjalment għal negozji żgħar.
TERMINU EWLIENI
Katina ta’ provvista tal-ikel hija l-proċess li permezz tiegħu l-ikel minn razzett jispiċċa fuq l-imwejjed tal-ikel tagħna. Din tinkludi l-fażijiet ta’ produzzjoni, l-ipproċessar, distribuzzjoni, konsum u rimi.
ATTI RELATATI
Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa (COM(2013) 37 final tal-31 ta’ Jannar 2013).
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi (COM(2013) 36 final tal-31.1.2013)
l-aħħar aġġornament 08.12.2014